Albert Buttigieg
Shadow Minister
għan-Newrodiversità
u l-Ħarsien tat-Tfal
Ilkollna naqblu li meta nitkellmu fuq it-turiżmu ma nistgħux ma nitkellmux fuq il-lokalità ta’ Paceville u ta’ San Ġiljan. Dan għaliex Paceville u San Ġiljan huma meqjusa mhux biss bħala l-mekka tad-divertiment imma wkoll għaliex f’din il-lokalità hawn l-aktar ammont ta’ lukandi tal-ogħla kwalità. San Ġiljan u Paceville huma ċ-ċentru kosmopolitan ta’ pajjiżna fejn diversi familji jaqilgħu l-għajxien tagħhom. Huwa post ukoll fejn diversi negozjanti investew bi kbir.
Nisqtarr li hija ħasra li dan il-Gvern mhux qiegħed jagħti l-importanza meħtieġa lil San Ġiljan u lil Paceville. U għaliex mhux qed jagħti importanza, allura l-Gvern mhux qiegħed jinvesti kif għandu suppost jagħmel. Jidher ċar li l-Gvern ma għandu l-ebda pjan kif imexxi din il-lokalità.
Insemmi ftit punti li qegħdin jitfgħu lura din il-lokalità fejn il-Gvern mhu qiegħed jagħmel xejn dwaru.
Żvilupp esaġerat
Bil-Malti ngħidu, ‘iż-żejjed huwa oħt in-nieqes’. Dan seħħ f’Paceville. Minn zona kwieta ta’ vellaġġatura spiċċa, fi kliem xi ħadd, ‘Manhattan ta’ Malta’. Filwaqt li m’għandi l-ebda problema li din il-lokalità tkun bħal Manhatten imma jidher ċar li din iz-zona ma tiflaħx aktar żvilupp. Jidher ċar li l-iżvilupp li sar, li qiegħed isir u ser isir, ser ibiddel din iz-zona kompletament. Dan joħroġ kemm huwa korrett il-PN meta jitlob li jkun hemm ‘carrying capacity’ biex naraw tassew x’tiflaħ din il-lokalità.
Ftit taż-żmien ilu, il-Gvern kien ħareġ masterplan li kienet donnha ‘wish list’ ta’ ċertu persuni. Dak iż-żmien kien hemm kritika kbira u l-Gvern kien waqqaf din il-masterplan. Imma xorta ħalla kull proġett li kien hemm fiha! Dan wassal biex kull toqba li hemm ġiet jew qed tiġi mibnija mingħajr pjan ħolistiku. U din hija l-akbar kritika li nagħmel lill-Gvern.
Mhux biss m’hemmx pjan holistiku imma l-Gvern biddel u jemenda l-pjani – kif qed jagħmel fil-każ tal-applikazzjoni ta’ Villa Rosa – biex ikun jista’ jaġevola l-applikanti!
It-talba ta-PN kienet u hija li jkun hemm tassew masterplan fejn l-istakeholders kollha, inkluż ir-residenti, jkunu involuti biex b’hekk ikun hemm pjan fit-tul.
Nuqqas ta’ investiment
Filwaqt li l-investituri qegħdin jinvestu flushom f’din il-lokalità, il-Gvern Laburista mhux qiegħed jagħmel l-ebda investiment fl-infrastruttura pubblika. Infrastruttura pubblika tfisser toroq, bankini, spazji mifutħa, sistema ta’ drenaġġ eċċ.
Il-Gvern ikun diżonest jekk iwaħħal fil-Kunsill Lokali meta jaf li l-Gvern neħħielhom kull awtorità. Għalkemm il-Gvern fl-aħħar bagit alloka fondi għall-PV, fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari tiegħi, il-Ministru qalli li dawn il-fondi marru biex Paceville ikollha purple flag, jiġifieri zona sigura! Possibbli ntefqu ’l fuq minn €300,000 biex ikollna din il-bandiera!
Huwa fatt li l-istat li huma t-toroq, il-bankini huma tal-biki. Mhux biss, imma issa anke l-Bajja ta’ San Ġorġ li kellha l-blue flag, jiġifieri ilma ta’ kwalità, spiċċat għal diversi drabi magħluqa minħabba l-ħruġ tad-drenaġġ fil-baħar! Dan qed iwassal biex din il-bajja titlef il-kwalità tagħha u ssir l-agħar bajja f’Malta! Dan mhux qed ngħidu jien imma kitbu il-Profs Victor Axiak u saħansitra l-Eks Ministru Evarist Bartolo.
Mhux biss il-Gvern abbanduna l-Bajja ta’ San Ġorġ imma numru ta’ proġetti li kienu tħabbru b’tant pompa, bħal reġenerazzjoni ta’ ġnien ta’ Spinola baqa’ ma sarx! Il-Ministru tat-Turiżmu ta’ dak iż-żmien Clayton Bartolo qal li l-Gvern kien se jonfoq €5.5 miljun! Sal-lum kollox għadu kif inhu!
Barra minn hekk, proġett tax-xatt tas-sajjeda mhux biss ma tkomplix imma f’zona li suppost hija reservata għas-sajjieda biex inpoġġu l-inġenji tagħhom, spiċċat bl-imwejjed u s-siġġijiet!
Nuqqas ta’ ndafa u sigurtà
Ma nistax lanqas inħalli barra l-istat tal-indafa u skart ma’ kullimkien għaliex il-Gvern jibża’ jinfurza l-liġijiet ma’ numru ta’ sidien ta’ restoranti li suppost għandhom il-kuntrattur privat tagħhom u mhux lest jirregola x-short lets li, għalkemm huma tajbin, imma ma jistax ikun li jitħallew jagħmlu ħerba mil-lokalità u r-residenti.
Hemm ukoll in-nuqqas ta’ sigurtà u nfakkar lil Gvern fil-wegħda tiegħu li jkun hemm skwadra tal-Pulizija apposta għal din il-lokalità u għal CCTV. Sal-lum dawn ma sarux, għalkemm il-Ministru Camilleri għamel konferenza stampa u qal li qiegħed fil-proċess li jagħmel dawn is-CCTV.
Il-PN għal diversi drabi tkellem fuq il-ħtiega li jkun hemm mhux biss masterplan li tirrispetta li l-interessi ta’ kulħadd imma fuq il-ħtiega li jkollna turisti ta’ kwalità u mhux ta’ kwantità.
Bħala Eks Sindku u issa bħala Deputat ser inkompli nkun vuċi għar-residenti tagħna u għal negozjanti onesti għaliex nemmen li Paceville huwa wieħed mill-muturi tat-turiżmu.
Għaldaqstant, huwa fl-interess tagħna li naraw li jkun hemm investiment qawwi għall-ġid ta’ kulħadd.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 21 ta’ Ottubru, 2025.
//= $special ?>