Opinjoni

OPINJONI: Taxxa li tolqot b’mod negattiv l-investiment

Ftit taż-żmien ilu l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li kien hemm għaxar kumpaniji barranin li għandhom dħul li jeċċedi is-€750 miljun u li kienu ser jibdew iħallsu taxxa ogħla f’Malta

Joe M. Zahra
Eks Editur u Opinjonista

S’hawnhekk kollox sew għaliex il-pajjiż għandu bżonn iktar dħul jekk irid jibbilanċja l-baġit.
Li ma qalx il-Prim Ministru hu li din it-taxxa ogħla ser titħallas għaliex l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u Żvilupp ilha snin tinsisti biex ikun hemm rata ta’ taxxa minima fuq kumpaniji.
Filwaqt li kumpaniji Maltin iħallsu taxxa ta’ 35 fil-mija, kumpaniji barranin jibbenifikaw minn reġim ta’ rifużjoni li jbaxxi t-taxxa li effettivament jħallsu għal ħamsa fil-mija.
Il-Prim Ministru pinġa din il-miżura bħala xi rebħa għal pajjiżna. Xejn iktar ’il bogħod mill-verità. It-taxxa ta’ ħamsa fil-mija kienet miżura li ddaħħlet biex tattira investiment barrani lejn pajjiżna.
Miżura li wasslet biex kumpaniji kbar, bħal dawk l-għaxra li semma l-Prim Ministru, jinvestu f’Malta. Mhux għal wiċċna iżda għax jaqblilhom. Issa x’ser jiġri! B’taxxa ta’ ħmistax fil-mija li titħallas mill-kumpaniji l-kbar kullimkien pajjiżna ser jibqa’ attraenti għal dawn il-kumpaniji

Reġim ġdid li ma seħħx
Lura fid-29 ta’ April tal-2022, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana ħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li kien ser jintroduċi reġim ġdid ta’ taxxa sal-2025.
Qal li kien wasal iż-żmien li l-industrija tas-servizzi tiġi rinnovata billi jidħol fis-seħħ reġim ġdid ta’ taxxa fuq il-kumpaniji biex jieħu post dak eżistenti li kien introdott iktar minn għoxrin sena qabel mill-Eks Ministru Nazzjonalista John Dalli.
Kien tenna li abbozz għall-pjan ġdid ta’ taxxa kien diġà sar. Żied li dan ried isir tajjeb għaliex ried jiżgura li ma jkunx hemm tnaqqis mid-dħul tat-taxxa.
Fl-istess ġimgħa li Clyde Caruana ħabbar l-introduzzjoni ta’ reġim ġdid tat-taxxa għall-kumpaniji, kumitat tal-Parlament Ewropew ivvota favur l-introduzzjoni ta’ taxxa minima fuq il-kumpaniji b’rata ta’ 15 fil-mija. Dakinhar it-taxxa kienet intiża għal korporazzjonijiet kbar multinazzjonali iżda t-tħassib kien li r-regola eventwalment tkun estiża għall-korporazzjonijiet kollha.

Pjan li twaqqaf
Il-pjani tal-Ministru Caruana ma komplewx jiġu implimentati u spiċċaw fuq l-ixkaffa. Issa f’daqqa waħda l-Prim Ministru sejjaħ laqgħa tal-Kabinett u approva din il-miżura. Tgħid x’kien hemm wara din l-għaġġla! Biex jiżgwidana semma biss kemm jista’ jaqla’ iktar il-pajjiż. Biss ma qalx kemm jista’ jitlef f’investiment. Jidher ukoll li ried jinsa x’kien qal il-Ministru Caruana li l-introduzzjoni ta’ reġim ġdid tat-taxxa ma kellux inaqqas id-dħul tal-Gvern!
Wara madwar 25 sena li f’pajjiżna daħal reġim ta’ taxxa m’hemmx dubju li dan kellu jiġi aġġornat. Wieħed jistenna qabel xejn li ma jkunx hemm iktar diskriminazzjoni bejn x’iħallsu kumpanniji barranin u kumpanniji lokali. Id-distakk illum hu wieħed kbir: ħamsa fil-mija l-barranin – 35 fil-mija l-Maltin.
Il-Partit Nazzjonalista fil-gvern dejjem naqqas it-taxxa. Il-Kap tal-PN Alex Borg waqt attivita’ politika f’Ħal Qormi fit-28 ta’ Settembru tenna li gvern ġdid Nazzjonalista t-taxxa fuq il-kumpaniji lokali u barranin jarmonizzaha għal ħmistax fil-mija f’ċerti industriji bħall-catering, l-ospitalità u l-bejgħ bl-imnut.
Il-Ministru Clyde Caruana tliet snin ilu stqarr li kwalunkwe reġim ġdid ta’ taxxi li jidħol m’għandux iwassal għal tnaqqis ta’ dħul mit-taxxa.
M’hemmx dubju li dan japplika ħafna iktar għal-lum milli kien tliet snin ilu għaliex illum diġà għandna tnaqqis ta’ dħul mit-taxxa.
Stramba iżda veru. Dan ħareġ mill-aħħar rendikont tad-dħul u l-ħruġ tal-Gvern għall-ewwel tmien xhur tas-sena li wrew tnaqqis mid-dħul mill-income tax ta’ €28 miljun. Fl-ewwel tmien xhur tas-sena d-dħul tal-Gvern żdied bis 3.6 fil-mija u l-infiq kien ta’ 10 fil-mija iktar bir-riżultat li kien hemm defiċit ta’ €203 miljun. Fl-istess waqt din is-sena l-Gvern diġà ssellef €971 miljun!
Jista’ jkun li dik kienet mossa ta’ Robert Abela biex juri li dak li qed jidħol inqas ser iġibu minn fuq dawn l-għaxar kumpaniji. Jista’ jkun ukoll li qed jgħodd il-flieles qabel ifaqqsu!
Jidher ċar li din ta’ ħlas ta’ rati ta’ taxxa differenti fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qed toħloq diżgwid bil-Prim Ministru Franċiż, li m’għadux hemm, jakkuża lill-Italja b’dumping fiskali minħabba l-“flat tax” li għandha l-oriġini tagħha fl-2017 u permezz tagħha sinjuri kbar b’residenza fl-Italja ma jħallsux iktar minn €200,000 taxxa fis-sena. Taxxa li għamlet l-Italja post iktar konvenjenti mill-istess Monaco. Taxxa li fl-2023 wasslet sinjuri kbar biex jispostjaw ir-residenza tagħhom min pajjiżi bħal Antigua, Bahamas, Barbados, Panama u Ċipru għall-Italja. Bil-maġġoranza tagħhom jieħdu residenza f’Milan.
Fid-dibattitu li għaddej bħalissa anke aħna qed nissemmew minħabba l-iskema “cash-for-passport” li daħħal il-Gvern Laburista f’pajjiżna!

Ħadd ma jieħu gost iħallas it-taxxa
Il-verità hi li min għandu ħafna ma jkunx irid li joħdulu ħafna f’taxxa. Hu għalhekk li s-sinjuri jfittxu dejjem pajjiżi li biex jattirawhom lejhom jagħtuhom trattament speċjali. L-istess jagħmlu l-kumpaniji. Dawn jagħżlu dejjem pajjiżi fejn it-taxxi huma baxxi. Kien permezz ta’ ħlas baxx ta’ taxxi li attirajna lejn pajjiżna kumpaniji kbar. Kien ukoll permezz ta’ taxxi baxxi li bnejna is-settur importanti tal-e-gaming.
Il-pajjiż ma jistax jieqaf. Irid dejjem joħroġ b’ideat ġodda ta’ kif jattira kapital, kumpaniji, imprendituri, nies sinjuri. Pajjiżna jrid jikkompeti.
U biex jikkompeti jara x’qed jagħmel ħaddieħor biex hu jagħmel aħjar minnu. Biex meta niġu għad-daqqa, bħal din ta’ ħmistax fil-mija taxxa fuq il-kumpaniji kollha flok il-ħamsa fil-mija li ħallsu s’issa, inkunu nistgħu nibqgħu għaddejjin mingħajr ma’ nitilfu ħafna.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 19 ta’ Otttubru, 2025.