Il-klabb tal-Premier League Ingliż, Nottingham Forest ħatru lill-eks kowċ ta’ Burnley u Everton, Sean Dyche, bħala l-kowċ il-ġdid tagħhom.
L-Ingliż ta’ 54 sena, laħaq ftehim ma’ The Garibaldis sabiex jiffirma kuntratt sat-tmiem tal-istaġun 2026/27. Dyche b’hekk sar it-tielet kowċ differenti ta’ Nottingham Forest sa mil-bidu ta’ dan l-istaġun.
Hu se jkun qed jieħu post Ange Postecoglou, li dam biss 39 jum fit-tmexxija teknika tat-tim, qabel ma tkeċċa,17-il minuta biss wara t-telfa ta’ 3-0 kontra Chelsea, li ntlagħbet nhar is-Sibt li għadda.
Postecoglou ma rebaħ l-ebda mit-tmien partiti li matulhom mexxa lil Nottingham Forest għalkemm kiseb żewġ punti f’konfronti li ntemmu fi draw.
Postecoglou kien inħatar kowċ ta’ Nottingham Forest wara li t-tmexxija amministrattiva tal-klabb kien keċċa lill-ewwel kowċ tagħhom f’dan l-istaġun, Nuno Espirito Santo wara biss tliet partiti.
//= $special ?>