Internazzjonali

Takaichi….L-ewwel Prim Ministru mara fl-istorja tal-Ġappun

Sanae Takaichi, fl-aħħar sigħat, kienet eletta Prim Ministru tal-Ġappun…Konferma li ngħatat mill-Parlament f’Tokjo u meta din hi l-ewwel darba fl-istorja li dan il-Ġgant Asjatiku se jkun immexxi minn mara.

Takaichi,  li għandha 64 sena, kisbet l-appoġġ mill- maġġoranza assoluta tad-deputati fil-Kamra t’Isfel tal-Parlament u anki mill-Kamra ta’ Fuq tal-Assemblea…Dan meta Takaichi hi wkoll il-Kap tal-Partit Liberali Demokratiku – magħruf ukoll bħala LPD – fil-Gvern.

Il-Prim Ministru ġdid tal-Ġappun għandha reputazzjoni qawwija bħala konservattiva u meta hi wkoll ammiratriċi kbira tal-eks Prim Ministru Britanniku, Margaret Thatcher.

Intant, Takaichi qed tieħu t-tmun fi żmenijiet ekonomiċi diffiċli għall-Ġappun…Dan meta l-Ġappuniżi qed jiffaċċjaw qabża kbira fil-kontijiet ta’ kuljum, bl-istħarriġ popolari juri li żieda fost iċ-ċittadini li mhumiex kuntenti bid-direzzjoni tal-pajjiż.

Il-Ġappun hu r-raba’ l-akbar ekonomija fid-dinja u meta Sanae Takaichi, issa, saret ir-raba’ Prim Ministru fi spazju ta’ ħames snin…Żvilupp inevitabbli wara li l-Prim Ministri Ġappuniżi ta’ qabilha kellhom iwarrbu jew jirriżenjaw minħabba telf tal-popolarità inkella minħabba l-involvimenti fi skandli.

Triq diffiċli…iżda waslet

Għalkemm Sanae Takaichi, f’Ottubru, għelbet l-isfida ta’ erba’ irġiel biex toħroġ bħala l-aktar kandidat b’saħħitha tal-LDP, hi xorta sabet l-intoppi – b’mod partikulari meta l-Partit Komeito, għal snin sħaħ sieħeb fil-koalizzjoni mmexxija mill-LDP, iritralha l-appoġġ kontra kull mistenni.

Iżda Takaichi ‘salvat’ wara li ntlaħaq ftehim mal-Partit Ġappuniż għall-Innovazzjoni (Ishin) li hu entità oħra fl-Oppożizzjoni.

Intant, l-eżami elettorali kbira għal Takaichi u l-LDP hi programmata għall-2028 u meta issa, il-Prim Ministru ġdid tal-Ġappun għandha quddiemha diversi sfidi domestiċi diffiċli, minbarra r-relazzjonijiet kumplikati fuq livell internazzjonali.

Dan meta l-Korea t’Isfel tidher li diġà qed taddotta politika kawta fir-rigward tal-Ġappun, minħabba l-politika tal-lemin ‘riġida’ li Takaichi hi magħrufa għaliha.

Fl-istess ħin, Tagaichi – l-istess bħall-eks Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe – mistennija taddotta linja ‘aktar riġida u konservattiva’ fil-konfront taċ-Ċina…Potenza li qed iżżid dejjem aktar fl-influwenza minbarra li hi wkoll rivali tradizzjonali tal-Ġappun.

Eżami oħra għall-Prim Ministru tal-Ġappun se tkun il-laqgħa tal-ġimgħa d-dieħla, mal-President Amerikan Donald Trump…Laqgħa simbolika u sinifikanti peress li l-aktar relazzjonijiet importanti ta’ Tokjo huma proprja dawk li l-Ġappuniżi rnexxielhom ikattru mal-Istati Uniti, tul is-snin.