Internazzjonali

Unit speċjaliżżat ta’ 100 uffiċjal Franċiż qed jinvestiga s-serqa mil-Louvre

Bħalissa tinsab għaddejja waħda mill-ikbar tfittxijiet għall-ħallelin fl-istorja Franċiża. Tim ta’ 100 speċjalist investigattiv qed jeżamina l-evidenza li ħallew warajhom il-ħallelin. Fost dawn l-aġenti hemm iktar minn tużżana li jispeċjaliżżaw fis-serq tal-mużewijiet tal-arti.

Il-prosekutur Laure Beccuau qal li jista’ jkun li l-ħallellin kienu mqabbda minn kollezzjonist.

Il-Ħadd 19 ta’ Ottubru, erba’ ħallelin serqu disa’ ġojjelli prezzjużi tal-kuruna Franċiża – waqt li kienu qegħdin jaħarbu, tilfu wieħed mill-ġojjelli – li kienet il-kuruna li kienet tintlibes mit-tielet mara ta’ Napuljun, l-Imperatriċi Eugene.

L-investigazzjoni ġiet fdata f’idejn unit speċjaliżżat magħruf bħala BRB, li tinvestiga serqiet ta’ profil għoli. L-investigaturi qegħdin jeżaminaw l-evidenza forensika, rekords telefoniċi u videos, filwaqt li qegħdin jitkellmu wkoll ma’ xhieda u infurmaturi.

Arthur Brand li huwa detective Ewropew tal-arti u li kemm-il darba għen f’investigazzjonijiet ta’ opri tal-arti misruqa, qal li l-Pulizija se jaraw ukoll filmat li jmur lura ġimgħat, biex jippruvaw jidentifikaw persuni suspettużi li żaru l-gallerija minn fejn insterqu l-oġġetti.

Eks uffiċjal tal-BRB, Pascal Szhudlara, qal li l-BRB se tkun qiegħda taħdem 24 siegħa kuljum u għal żmien twil, sakemm ikun neċessarju. Huwa jinsab kunfidenti mija fil-mija li l-ħallelin se jinqabdu.