Internazzjonali

Vance iżur Iżrael biex jinżamm il-ftehim ta’ Gaza

Fi sforz biex ikun imsaħħaħ il-ftehim tal-paċi bejn l-Iżrael u Gaża, il-Viċi President JD Vance żar Iżrael.

Sa issa, jidher li ż-żewġ naħat urew ir-rieda tagħhom li jipproċedu bil-ftehim ta’ paċi, minkejja l-vjolenza li seħħet matul tmiem il-ġimgħa.

Vance mistenni jkollu taħditiet mal-Prim Ministru Benjamin Netanyahu, fejn se jkunu qegħdin jiddiskutu l-opportunitajiet diplomatiċi u l-isfidi tas-sigurtà.

Sadanittant Iżrael ikkonferma li kien identifikat ostaġġ ieħor. Sa issa kienu rritornati 13 minn 28 katavri. Il-vjaġġ ta’ Vance kien motivat minħabba li l-Iżrael ma rrispettawx il-ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied u nqattlu 100 Palestinjani, fosthom tfal. Iżrael qal li huma rritaljaw minħabba li kienu maqtula żewġ suldati.

Esperti qed isostnu li ftit li xejn jista’ jkun hemm progress f’dawn it-taħditiet sakemm ma jkunx hemm pjan konkret ta’ paċi għall-istat tal-Palestina.