Iċ-champions Ewropej, Paris Saint-Germain komplew jirbħu l-massimu tal-punti fl-istadju tal-Kampjonat tal-UEFA Champions League, meta rebħu t-tielet logħba minn tlieta, din id-darba kontra Bayern Leverkusen.
Fil-BayArena, kelna logħba movimentata bil-Franċiżi jirbħu 7-2. Sat-tmiem tal-ewwel taqsima. PSG kienu diġa’ 4-1 minn fuq, biż-żagħżugħ ta’ 20 sena, Désiré Doué jiskorja darbtejn, filwaqt li Willian Pacho u Khvicha Kvaratskhelia skorjaw gowl kull wieħed.
Fit-38 minuta, u wara li kelna tkeċċija ta’ plejer fuq kull naħa, il-Ġermaniżi skorjaw momentarjament il-gowl tad-draw, minn azzjoni ta’ penalty.
Fit-tieni taqsima kelna aktar gowls; erbgħa b’kollox. Ħames minuti mil-ftuħ, Nuno Mendes għamilhom 5-1, iżda erba’ minuti wara, Alex Garcia naqqas l-iskor għal-Leverkusen.
Sal-aħħar tal-partita, PSG reġgħu skorjaw darbtejn oħra permezz ta’ Ousamane Dembélém u Vitinha għal goleada ta’ 7-2 li tkompli tikkonferma s-saħħa li għad għandhom ir-rebbieħa ta’ din it-tazza fl-istaġun li għadda.
Anke Inter baqgħu b’punti massimi f’din il-kompetizzzjoni wara t-tielet partita tagħhom. Barra minn dahrom huma għelbu lill-Belġjani ta’ Union St.Gilloise 4-0.
Sa erba’ minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima, Inter kienu għadhom ma nifdux id-difiża avversarja sakemm żewġ gowls qabel il-mistrieħ, skorjati minn Denzel Dumfries u Lautaro Martínez taw vantaġġ doppju lill-Nerazzurri.

Inter komplew iżidu l-gowls wara l-mistrieħ, l-ewwel minn penalty skorjat mit-Tork, Hakan Çalhanoğlu fit-53 minuta u b’kwarta mit-tmiem tal-logħba, Francesco Esposito għaqqad poker bir-raba’ gowl.
Il-leaders tal-Premier League Ingliż, Arsenal komplew bil-mument pożittiv tagħhom meta b’gowls li kienu kollha skorjati fit-tieni taqsima, huma għelbu lil Atletico Madrid 4-0.

Wara 12-il minuta mil-ftuħ tat-tieni 45 minuta, id-difensur Brażiljan, Gabriel Magalhães fetaħ l-iskor. Minn hemhekk ‘il quddiem, il-Gunners għamlu ħerba mid-difiża avversarja, b’żewġ gowls oħra ta’ Viktor Gyökeres u ieħor minn Gabriel Martinelli. B’din ir-rebħa Arsenal ukoll għad għandhom punti massimi wara tliet partiti mil-bidu ta’ dan l-istadju tal-UEFA Champions League.
Fi Spanja, Manchester City kellhom rebħa komda meta għelbu lil Villarreal 2-0. L-iskorers f’din ir-rebħa għat-tim tal-Premier League Ingliż kienu Erling Haaland u Bernardo Silva, b’gowls li waslu kollha fl-ewwel taqsima.

Newcastle United għelbu lil Benfica 3-0 u b’hekk kisbu t-tieni rebħa f’dan il-Kampjonat. Ftjt wara n-nofs siegħa logħob, Anthony Gordon skorja l-ewwel wieħed għal Newcastle, b’Harvey Barnes għamilhom 2-0 fit-72 minuta u l-istess plejer reġa’ skorja fit-83 minuta.

Barcelona rebħu u taw spettaklu b’xita ta’ gowls skorjati fir-rebħa ta’ 6-1 kontra Olympiacos tal-Greċja. L-Ispanjol ta’ 22 sena, Fermín López kien l-akbar protagonista tal-partita, meta skorja nofs il-gowls tal-Katalani.
Spikka ukoll l-internazzjonali Ingliż, Marcus Rashford li f’temp ta’ erba’ minuti, hu skorja darbtejn, bil-gowl l-ieħor ta’ Barca kien skorjat minn Lamine Yamal minn penalty. L-uniku gowl ta’ Olympiacos wasal fl-54 minuta meta minn penalty, il-Marokkin, Ayoub El Kaabi ma żbaljax.

Ta’ min jirrimarka li meta l-iskor kien għadu 2-1 favur Barcelona, fis-57 minuta Olympiacos ħadu daqqa ta’ ħarta meta r-referee wera t-tieni karta safra lil Santiago Hezze, u l-Griegi lagħbu bi plejer anqas għal aktar minn nofs siegħa. Kien hawnhekk fejn Barcelona ħadu vantaġġ u skorjaw erba’ darbiet għal skor finali ta’ 6-1.
PSV Eindhoven dawwru telfa f’rebħa kontra Napoli biex rebħu l-ewwel logħba f’dan l-istadju. F’dahrom, l-iskwadra taħt it-tmexxija ta’ Peter Bosz kien jimmerithom jirbħu 6-2.

Ftit kienu qed ibassru x’kien se jiġri wara li Napoli fetħu l-iskor l-ewwel fil-31 minuta b’gowl ta’ Scott McTominay. Dan għaliex wara dan il-gowl, PSV skorjaw erba’ darbiet, b’gowls ta’ Ismael Saibari u darbtejn minn Dennis Man għal skor parzjali ta’ 4-1.
Napoli naqqsu l-iskor bit-tieni gowl fil-logħba ta’ McTominay, iżda r-reazzjoni ta’ PSV reġgħet kienet b’saħħitha, b’gowls minn Ricardo Pepi u ieħor ta’ Couhaib Driouech.
Borrusia Dortmund għelbu lid-Daniżi ta’ FC Copenhagen 4-2, f’konfront li t-tim ta’ Niko Kovac kien qed jilgħab barra minn daru. Wara 20 minuta logħob, il-Ġermaniżi marru fil-vantaġġ b’gowl ta’ Felix Nmecha, izda auto-gowl ta’ Waldemar Anton, ftit wara n-nofs siegħa logħob reġa’ ġab l-iskor indaqs.

Fit-tieni taqsima, Borrusia Dortmund urew is-supremazija tagħhom u għalqu l-partita b’gowls ta’ Ramy Bensebaini, Nmecha għat-tieni darba u ieħor minn Fabio Silva. Qabel tmiem il-logħba, l-Iżlandiż ta’ 17-il sena, Viktor Dadason naqqas l-iskor għal FC Copenhagen għal skor finali ta’ 4-2.
Kairat Almaty tal-Kazakistan, rebħu l-ewwel punt tagħhom f’din il-fażi tal-kompetizzjoni, meta temmew fi draw ta’ mingħajr gowls kontra Pafos FC ta’ Ċipru.
Għalkemm Kairat Almaty kellu ħafna mill-pusses tal-ballun tul id-90 minuta, dan ir-riżultat jista’ jitqis bħala wieħed diżappuntanti għalihom għaliex ma kienux kapaċi japprofittaw mis-superjoritá numerika li kellhom kważi tul il-logħba kollha.
Dan għaliex wara tliet minuti logħob, iċ-Ċiprijotti tkeċċilhom b’ħamra diretta, Joao Correia għal fawl ikraħ li wettaq fuq l-avversarju.
//= $special ?>