“Jien ma rridx politika ta’ konfront. Irrid il-politika ta’ soluzzjoni. Il-Parlament għandu jerġa’ jkun il-post fejn inħarsu ’l quddiem b’għaqda u b’viżjoni, mhux fejn ninħlew fil-firda u l-akkużi. Ejja npoġġu l-poplu fiċ-ċentru tad-diskussjoni tagħna.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’dibattitu dwar il-mozzjoni mressqa mill-Gvern kontra l-Oppożizzjoni…fejn fid-diskors tiegħu, esprima l-impenn sod tal-Partit Nazzjonalista li jkompli jaħdem favur il-poplu Malti u Għawdxi, u l-ġid komuni.
Alex Borg saħaq li l-Partit Nazzjonalista mhu se jħalli lil ħadd ixekklu mill-ħidma tiegħu, u insista li se jibqa’ jkun viċin in-nies b’mod speċjali qalb l-anzjani, il-ħaddiema, iż-żgħażagħ, il-familji, in-nisa tad-dar, il-pensjonanti, l-istudenti u s-self-employed.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppozizzjoni mhux se tagħti kas ta’ attitudnijiet negattivi, iżda se tkompli taħdem biex jitħarsu l-ewwel u qabel kollox l-interessi ta’ pajjiżna u kommess li jibqa’ jaħdem sabiex tissaħħaħ il-vuċi tal-Maltin u l-Għawdxin, anka barra minn xtutna.
Alex Borg insista li l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista se tkun waħda ta’ soluzzjoni, mhux ta’ pika; ta’ rieda tajba, mhux ta’ għira, ta’ ħidma, mhux ta’ sens ta’ titlu, ta’ umiltà, mhux ta’ suppervja.
Fid-diskors tiegħu, Alex Borg appella direttament lill-Prim Ministru u lill-Gvern sabiex jiftakru fl-ispirtu ta’ rispett reċiproku li kien inħass f’laqgħat li saru kemm fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista kif ukoll fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
“Nixtieq nistieden lill-Prim Ministru biex jilqa’ l-istedina tiegħi biex verament inpoġġu l-interess nazzjonali l-ewwel – quddiem kull interess ieħor, inkluż dak partiġjan.”
Temm billi rrefera għall-wegħda tiegħu li jibqa’ jpoġġi l-ġid tal-pajjiż u tal-poplu fuq quddiem nett fl-aġenda politika tiegħu.
“Imma jien il-poplu Malti u l-weġgħat tiegħu għalija jiġu l-ewwel u qabel kollox. GĦALHEKK QIEGĦED HAWN ILLUM. Dan hu xi jridu l-Maltin u l-Għawdxin. Politiċi li jħossu u li jgħixu t-tħassib tagħhom mhux politiċi li jaraw kif ħa jkissru lil ħaddieħor u lil kull min hu kontrihom.“
Intant, l-editorjal tal-gazzetta MaltaToday iddeskriva din il-mozzjoni ta’ kundanna kontra l-Oppożizzjoni bħala sinjal ta’ “paniku” fil-Labour. U l-Gvern…. minflok iddiskuta l-aktar temi li bħalissa qed jinkwetaw lin-nies, fosthom it-traffiku u l-għoli tal-ħajja, għażel li jattakk lill-PN b’mod partiġjan.
L-editur ittimbra din il-mozzjoni bħala “attakk fuq il-libertà tal-espressjoni”. Aktar minn hekk, il-MaltaToday qed tgħid li dan kien dibattitu “pwerili” li tistennih minn pajjiżi bħall-Ungerija u mhux minn partit politiku li suppost ġej mill-familja Soċjalista.
//= $special ?>