Futbol Sport

Ebda pressjoni fuq Ħamrun Spartans lejlet it-tieni logħba fil-UEFA Conference League

Il-kowċ ta' Ħamrun Spartans, Giacomo Modica.
Il-kowċ ta' Ħamrun Spartans, Giacomo Modica.

Għada l-Ħamis, Ħamrun Spartans se jkunu qed jilgħabu t-tieni logħba tal-League Phase tal-UEFA Conference Leaague, meta f’pajjiżna stess jilgħabu kontra Lausanne tal-Iżvizzera.

M’hemmx dubju li din se tkun logħba oħra diffiċli għall-Maltin, iżda bit-tragward storiku milħuq minn Ħamrun Spartans dan l-istaġun, fejn qed jilgħabu għall-ewwel darba f’stadju ta’ kompetizzjoni li ebda klabb Malti qatt ma rrnexxilu jilħaq, hu fatt li ċ-champions Maltin qed jilgħabu mingħajr pressjoni. Għaldaqstant dan il-fatt jista’ jkun ta’ vantaġġ għall-iskwadra ta’ Giacomo Modica, biex juru l-aħjar tagħhom u għaliex le, anke jissorprendu lil kwalunkwé avversarju li se jilgħabu kontra tiegħu.

L-aħħar riżultati miksuba minn Lausanne, partikolarment fis-Super League Żvizzeru, qed juru biċ-ċar li t-tim hu nieqes mill-konsistenza. Wara disa’ partiti mil-bidu tal-Kampjonat lokali, Lausanne jinsabu fid-disa’ post, f’Kampjonat li hu kompost minn 12-il tim.

Fit-tmiem il-ġimgħa li għaddiet huma temmew fi draw ta’ 2-2 kontra Luzern, iżda fl-ewwel match day tal-League Phase tal-UEFA Conference League, huma bdew tajjeb meta rebħu 3-0 f’dahrom kontra Breidablik tal-Iżlanda.

Minn naħa l-oħra, Ħamrun Spartans kellhom bidu iebes f’din il-fażi tal-kompetizzjoni, meta kontra Jagiellonia Bialystok tal-Polonja, f’Stadion Miejski, il-Ħamruniżi taw wirja tajba u organizzata, anke jekk tilfu 1-0.

Għalkemm mhux il-favoriti li jiksbu l-massimu tal-punti kontra Lausanne, Ħamrun Spartans m’għandhom xejn x’jitilfu u kull riżultat miksub hu bonus mill-Maltin.

Il-logħba ta’ għada minn match day 2 tal-UEFA Conference League, bejn Ħamrun Spartans u Lausanne, se tkun qed tibda fid-9pm, fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’Qali.