Erba’ subien adoloxxenti, ta’ bejn l-etajiet ta’ 14 u 16-il sena, tressqu l-Qorti akkużati b’rabta ma’ sensiela ta’ serqiet vjolenti li seħħew fil-ġonna tal-Pinetum, il-Floriana, matul ix-xhur li għaddew. Il-Pulizija akkużathom b’serq kwalifikat, aggressjoni fuq il-vittmi, u li kkaġunaw ġrieħi ħfief f’diversi inċidenti ta’ bil-lejl fejn persuni ġew attakkati u misruqa mill-affarijiet personali tagħhom.
L-Ispettur Keith Rizzo xehed kif l-investigazzjonijiet dwar numru ta’ każijiet ta’ serq u aggressjoni wasslu lill-Pulizija biex jidentifikaw lill-persuni suspettati permezz ta’ filmati tas-CCTV. Wara dan, l-erbgħa ġew arrestati f’Raħal Ġdid fl-istess jum, wieħed wara l-ieħor, fil-preżenza tal-ġenituri jew tal-kustodji legali tagħhom, li ġew infurmati bid-drittijiet tagħhom matul il-proċedura.
Tnejn mill-akkużati, wieħed ta’ 16-il sena u ieħor ta’ 14-il sena, ammettew ir-reati li kienu mixlija bihom. It-tnejn l-oħra, wieħed ta’ 15-il sena u ieħor ta’ 16-il sena, wieġbu mhux ħatja. Fir-rigward tat-tnejn li ammettew, il-Qorti saret taf li l-ewwel, li kien qed jiffaċċja seba’ akkużi, huwa student mingħajr kondotta kriminali.
It-tieni, li qed jiffaċċja ħames akkużi, jaħdem part-time u ġie aċċettat għal kors fl’MCAST. It-tnejn ġew deskritti bħala żgħażagħ imnikkta b’dak li għamlu, b’wieħed minnhom jirriżulta li jsofri minn awtiżmu u ADHD, filwaqt li l-ieħor trabba f’ambjent ta’ foster care u bħalissa għandu biss kustodju legali bħala figura ta’ ġenitur.
Il-Qorti ordnat rapporti ta’ qabel is-sentenza għalihom it-tnejn u ħelsithom mill-arrest taħt kundizzjonijiet stretti, fosthom depożitu ta’ €500 u garanziji personali ta’ €3,500 kull wieħed. Barra minn hekk, ġiet imposta ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi.
Min-naħa l-oħra, iż-żewġ minorenni li wieġbu mhux ħatja ġew miċħuda l-ħelsien mill-arrest. Wieħed minnhom, ta’ 15-il sena, li kien rappreżentat mill-avukat Jason Grima, sostna li kien qed jiffaċċja akkużi inqas gravi u li jekk jinżamm arrestat jista’ jitlef l-istudji tiegħu f’MCAST.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat billi qalet li kien hemm biża’ ta’ tfixkil fix-xhieda jew kuntatt mal-koakkuzati. Il-Qorti, wara li semgħet iż-żewġ naħat, ċaħdet it-talba tiegħu. L-ieħor, ta’ 16-il sena u wkoll student ta’ MCAST, kien rappreżentat mill-avukat Leslie Cuschieri.
Huwa wkoll ġie miċħud il-ħelsien mill-arrest minħabba l-istess tħassib li jista’ jikkomunika mal-ko-akkuzati li diġà ammettew ir-responsabbiltà tagħhom. B’hekk, iż-żewġ minorenni li wieġbu mhux ħatja se jibqgħu taħt arrest sakemm tkompli l-kawża kontra tagħhom, filwaqt li għal dawk li ammettew il-Qorti se tistenna r-rapporti qabel tiddetermina s-sentenza.
Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispetturi Keith Rizzo, Jeffrey Rizzo u Stephen Gulia, assistiti mill-Avukat tal-Avukat Ġenerali Michael Muscat. Fid-difiża dehru l-avukati Jason Grima, Leslie Cuschieri, Jason Azzopardi, Alessandro Farrugia, Franco Debono, Alfred Abela, Ryan Abela u Kris Busietta. Il-kawża saret quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil.
//= $special ?>