Il-kampanja Ġustizzja għal Artna ppubblikat filmat promozzjonali ġdid qabel it-tieni protesta nazzjonali li qed issejjaħ, u tkompli tappella lill-Gvern biex jirtira l-abbozzi tal-ippjanar u l-avviżi legali qerrieda li bħalissa qed jiġu ppreżentati. Il-protesta se sseħħ it-Tnejn, 27 ta’ Ottubru, u tibda fil-5:30pm minn quddiem il-Qorti biex tkompli miexja lejn il-Parlament.
Il-filmat promozzjonali, li fih tidher il-ħaddiema tal-komunità u l-mużiċista Kym Pepe, qed jerġa’ jsejjaħ lin-nies biex joħorġu fit-toroq u jiddefendu ’l-pajjiż li jgħożżu mir-regħba u mill-politika kompromessa mill-iżviluppaturi. Dan huwa kollu riżultat tal-fatt li l-Gvern qed ikompli jagħżel li jinjora s-sejħa mifruxa mis-soċjetà Maltija u Għawdxija biex jirtira dawn il-liġijiet malizzjużi, u minflok qed ikompli jagħti widen biss lill-iżviluppaturi, li huma l-unika grupp fil-pajjiż li qed jiddefendi pubblikament din il-leġiżlazzjoni.
Fost il-ħafna oxxenitajiet tagħhom, l-Abbozzi 143 u 144, flimkien mat-tliet avviżi legali li jakkumpanjawhom, se jagħtu setgħat bla qies u arbitrarji lill-Awtorità tal-Ippjanar, ixekklu d-dritt li jiġu appellati deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar, iqaċċtu s-setgħa tal-Qorti li tirrevoka permessi illegali, u jagħtu amnestija għal firxa wiesgħa ta’ illegalitajiet ambjentali.
Il-filmat promozzjonali jenfasizza kemm huma importanti għalina l-ispazji naturali u urbana madwar Malta u Għawdex, u għalfejn qed nippersistu u nissieltu biex insalvawhom. L-hekk imsejħa “riforma tal-ippjanar” tal-Gvern mhija xejn għajr lista tax-xewqat tal-iżviluppaturi, u sakemm il-Gvern se jkompli jinsisti li jibqa’ għaddej bil-pjanijiet qerrieda tiegħu, aħna se nkomplu nirreżistu.
Il-messaġġ tal-filmat huwa ċar: flimkien, aħna b’saħħitna. Flimkien, inwaqqfuhom.
//= $special ?>