Internazzjonali

Gaza: Il-WHO twissi dwar katastrofi tas-saħħa li ‘taffettwa lill-ġenerazzjonijiet tal-Palestinjani’

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-poplu Palestinjan f’Gaza jinsab għaddej minn ‘katastrofi tas-saħħa li għandha tkompli għal ġenerazzjonijiet sussegwenti’.

Id-Direttur-Ġenerali tad-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus, wissa, sadanittant, li jinħtieġ influss enormi ta’ għajnuna f’Gaza biex, forsi, il-komunità internazzjonali tindirizza aħjar is-sitwazzjoni ferm ikkumplikata fost ir-residenti ta’ dak it-territorju.

Iżrael qed jippermetti għall-movimenti tal-għajnuna, fil-forma ta’ ikel u mediċina, lejn Gaza wara li daħal fis-seħħ il-waqfien mill-ġlied mal-grupp terroristiku Ħamas, fl-10 ta’ Ottubru. Madankollu,  Ghebreyesus qal li dan mhux biżżejjed biex is-sistema tas-saħħa f’Gaza tissoda mill-ġdid.

Intant, l-Istati Uniti għadha tipprova ssaħħaħ il-ftehim għall-paċi fraġli li għenet biex timplimenta  fl-artijiet ta’ Gaza. Dan il-ftehim hu l-ewwel fażi ta’ pjan għall-paċi li jibbaża fuq 20 punt u li jinkludi żieda fl-ammonti tal-għajnuna lejn Gaza ‘mingħajr xi forom ta’ indħil’.

U waqt li tkellem favur dan il-ftehim, Ghebreyesus qal li ż-żieda fl-għajnuna lill-Palestinjani żgur li ma tirriflettix l-iskala tal-problema umanitarja attwali.

Fl-aħħar sigħat ukoll kien ikkonfermat li t-terroristi tal-Ħamas, issa, irritornaw 15 minn fost it-28 katavri tal-Iżraeljani li fl-aħħar xhur mietu waqt li kienu qed jinżammu ostaġġ f’Gaza…Ritorn li wkoll kien possibbli taħt il-pjan sponsorjat mill-Istati Uniti.

Dan meta Iżrael, fil-lejl tat-Tlieta, irċieva l-katavri ta’ żewġ suldati Iżraeljani li fis-7 ta’ Ottubru tal-2023 kienu qed jirreżistu l-attakk terroristiku tal-Ħamas li qasmu minn Gaza lejn Iżrael biex iwettqu l-massakri storiċi li kienu preludju għall-gwerra.