Fl-Italja, illum tħabbar b’mod uffiċjali li Giovanni Tedesco hu l-kowċ il-ġdid ta’ Perugia Calcio, klabb li dan l-istaġun qed jilgħab fis-Serie C.
Din l-aħbar tfisser li Tedesco, se jkun qed jirritorna fit-tmexxija ta’ klabb Taljan, wara nuqqas ta’ disa’ snin. Matul dan iż-żmien kollu hu kien kowċ ta’ xejn inqas minn seba’ klabbs Maltin, b’kull esperjenza li kellu f’Malta dejjem kienet fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.
Tedesco se jkun qed jirritorna ma’ Perugia, wara li fil-passat, hu diġa’ kien magħhom għal sitt snin sħaħ mhux bħala kowċ iżda bħala plejer. Hu kien lagħab magħhom bejn l-1998 u l-2004, probabilment fl-aqwa żmien ta’ Tedesco bħala plejer u fiż-żmien fejn bħala kowċ tal-Grifoni, kif ħafna jirreferu għal Perugia fl-Italja, huma kellhom lil Serse Cosmi.
Fis-sitt staġuni li Tedesco kien ma’ Perugia, hu dejjem lagħab fis-Serie A, fejn b’kollox, bil-kompetizzjonijiet l-oħra inklużi, hu lagħab 183 darba u skorja 25 darba. F’154 mill-partiti li lagħab ma’ Perugia, Tedesco kien saħanistra captain tat-tim.
Il-ħatra ta’ Tedesco ma’ Perugia tasal f’mument diffiċli u ta’ kriżi li attwalment jinsab fiħ it-tim, tant li wara għaxar partiti mil-bidu tas-Serie C, grupp B, l-iskwadra mir-reġjun ta’ Umbria, tinsab fil-posizzjoni ta’ qabel tal-aħħar, b’tliet punti biss mirbuħa.
Fil-komunikat uffiċjali, il-klabb qal hekk: “F’mument daqshekk diffiċli mill-aspett sportiv, x’hemm aħjar minn kowċ li jħobb u jħoss tassew għall-kuluri abjad u aħmar?”
Interessanti l-fatt, li apparti l-ħatra ta’ Tedesco, Perugia ħabbru ukoll fost l-oħrajn, lil Riccardo Gaucci bħala konsulent tal-President għall-parti sportiva, Gaucci hu isem ieħor magħruf sew f’Malta fejn serva bħala President ta’ Floriana FC, u magħhom rebaħ fost l-oħrajn il-Kampjonat Premier.
Gaucci ukoll għandu passat ma’ Perugia, fejn qabel sar President ta’ Floriana, hu kien serva bħala uffiċjal tal-klabb bejn l-1997 u l-2005, iġifieri fl-istess żmien meta ma’ Perugia kien hemm bħala plejer Tedesco.
//= $special ?>

