“Investituri lokali jew barranin, mhux se jimpenjaw ruħhom għal sistema li ma jistgħux jafdaw. Ma nistgħux nibnu mill-ġdid ‘Brand Malta’ bi slogans. Dan nistgħu nagħmluh biss b’integrità.”
Sostna dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, meta indirizza l-21 edizzjoni tal-EY Attractiveness Survey – fejn enfasizza t-titjib qawwi li ntwera fil-fiduċja tal-investituri, b’79% tal-kumpaniji qed iqisu lil Malta attraenti.
F’kumment lil Net News, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li minkejja t-titjib li sar f’diversi setturi, wissa li l-istabbiltà għadha mhix assigurata. U qed naraw nuqqas ta’ ħiliet, nuqqasijiet fl-infrastruttura, u sfidi oħrajn.
L-istess stħarriġ tal-EY wera li 34% biss tal-investituri jaraw li s-suq tax-xogħol joffri ħiliet adegwati. Dan kien ikkwotat minn 60% ta’ dawk li wieġbu dwar x’inhi l-akbar theddida għall-kompetittività ta’ Malta.
Hawnhekk, Alex Borg ippropona strateġija li tħares fit-tul – iċċentrata fuq it-teknoloġija, l-innovazzjoni u t-talent. Liema strateġija għandha tinkludi l-appoġġ għall-produttività tan-negozji, l-immodernizzar tas-servizzi pubbliċi, it-tisħiħ tal-edukazzjoni u r-riċerka ffukata fuq l-AI.
Huwa appella wkoll għal pjan ta’ trasformazzjoni tal-ħiliet, inkluż riforma tal-edukazzjoni, Malta Skills Hub li jgħaqqad lil impjegati u lill-istudenti, u opportunitajiet ta’ esperjenza fid-dinja reali għall-gradwati fis-setturi tat-teknoloġija u oqsma ekoloġiċi.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li l-futur ta’ Malta ma jistax jinbena minn gvern jew ideoloġija waħda; iżda jrid jinbena flimkien.


Intant, l-istħarriġ tal-EY wera li madwar 40% tan-negozji f’Malta huma mħassba dwar il-futur tagħhom f’pajjiżna u jekk hux se jibqgħu Malta.
Apparti minn hekk, 8 minn kull 10 identifikaw l-investiment fl-infrastruttura bħala essenzjali għas-suċċess ekonomiku ta’ Malta.
//= $special ?>