Lokali

Il-Gvern jispiċċa jammetti : “Il-mediċina branded hija l-aqwa”

“U mhux ovvja li hija l-aqwa, ma nistax ngħidlek li le”.

Kienet id-dikjarazzjoni li għamel is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea, f’konferma ċara li l-mediċini li huma branded – cioè mhux dawk ġeneriċi – huma l-aqwa mediċini għall-pazjenti.

Fejn stqarr li “il-mediċina branded dejjem branded. Ovvja li hija l-aqwa”.

F’intervista li kellu ma’ Karl Bonaci fuq l-F-LIVING il-Gvern permezz tas-Segretarju Parlamentari tiegħu spiċċa ammetta illi l-mediċini tad-ditta huma l-aqwa.

Fejn iddikjara, li tant huma l-aqwa li l-prezz tagħhom huwa tant għoli illi, li kieku l-Gvern jipprovdi l-mediċini branded – minflok il-ġeneriċi – mingħajr ħlas, ifalli.

Fl-aħħar snin kienu bosta l-persuni li jingħataw il-mediċini b’xejn illi stqarrew li jkollhom jixtru l-mediċini minn buthom sabiex jieħdu fost l-aqwa kura possibli – dan minħabba l-fatt li l-Gvern Malti jipprovdi mediċini ġeneriċi fis-sistema tal-POYC – għajr għexieren ta’ mediċini li jingħataw lil persuni li fost l-oħrajn għandhom il-marda tal-kanċer.

Madanakollu, il-Ministru tas-Saħħa JoEtienne Abela ħareġ jgħid li d-differenza bejn il-ġeneriċi u dawk tad-ditta hija sempliċiment għaliex il-branded ħarġu l-ewwel – għalhekk huma ogħla mill-prezz.

Iżda issa, is-Segretarju Parlamentari tiegħu Malcolm Paul Agius Galea ikkonferma li l-mediċini branded huma l-aqwa mediċini li wieħed jista’ jieħu.