Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jiltaqa’ mal-Kamra tal-Ispiżjara

Ritratt: Martin Agius

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg flimkien max-Shadow Minister Stephen Spiteri u x-Shadow Minister Ian Vassallo ltaqgħu mal-Kamra tal-Ispiżjara, fejn fost oħrajn iddiskutew dak kollu li għandu x’jaqsam mal-mediċini u dak li jixtiequ jaraw li jsir f’dan is-settur.

Ritratt: Martin Agius

Il-President tal-Kamra, MaryAnn Sant Fournier, ferħet lil Alex Borg għal-irwol tiegħu bħala l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, filwaqt li semmiet l-isfidi li qed jaffaċjaw bħala Kamra tal-Ispiżjara.

Kif sostniet ukoll ma’ NET News, hi qalet li hemm bżonn aktar djalogu soċjali f’dan is-settur.

Ritratt: Martin Agius

Minn naħa tiegħu, matul din il-laqgħa Alex Borg semma’ li f‘pajjiżna hemm bżonn investiment akbar fil-kura preventiva u kura primarja iżjed avvanzata.

Ritratt: Martin Agius

Dwar dan, il-Kamra sostniet li laqgħet b’mod pożittiv il-fatt li l-Partit Nazzjonalista ħatar żewġ shadow ministers responsabbli minn dawn is-setturi.

Il-membri tal-Kamra għamlu referenza wkoll għall-mediċini ġeneriċi, u qablu li fejn mediċina ġenerika ma taħdimx fuq pazjent, għandha tinstab soluzzjoni alternattiva mill-ewwel billi tiġi pprovduta mediċina aħjar.

Fit-tmiem ta’ din il-laqgħa, il-Kamra tal-Ispiżjara ppreżentat lill-Kap tal-PN dokument li fih hemm il-viżjoni tagħhom għal dan is-settur.

Ritratt: Martin Agius