Qiegħed hawn illum mhux biex nikkritika dak li sar fl-imgħoddi, iżda biex inkun sieħeb fit-tfassil tal-futur ta’ Malta u Għawdex tagħna. Biex nisma’ u nitgħallem, ħalli flimkien magħkom nimmaġina l-Malta li rridu.
Iżda dan il-futur, irid jibda jinbena mil-lum, għax ma nistgħux nibqgħu nistennew aktar.
Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta għall-ewwel darba bħala Kap tal-Oppożizzjoni dalgħodu indirizza l-konferenza Future Realised, organizzata minn EY Malta f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi – diskors li matulu enfasizza li Malta għandha bżonn viżjoni ġdida u tmexxija bbażata fuq integrità, trasparenza u modernizzazzjoni.
Alex Borg qal li minkejja sinjali ta’ rkupru fl-attrazzjoni tal-investiment barrani, in-nuqqas ta’ direzzjoni u fiduċja fil-governanza qed jheddu l-kompetittività tal-pajjiż. Hu qal li lil hinn mis-sinjali pożittivi, pajjiżna jeħtieġ stabbiltà fit-tul u anke l-komunità tan-negozju stess qed titlob direzzjoni, ċertezza u sens ta’ tmexxija. Għax Malta ma tistax tibni l-futur tagħha fuq slogans, iżda fuq l-integrità, it-trasparenza u l-ugwaljanza.
Hawn irrefera għat-titlu tad-dokument ta’ qabel il-budget ippubblikat mill-Malta Chamber “Time for Action” u qal li dan verament hu l-mument li nieħdu azzjoni – il-mument li mill-kliem ngħaddu għall-fatti, mir-riflessjoni ngħaddu għar-riżultati, mill-potenzjal ngħaddu għall-progress.
“Jien noħlom li jkollna Malta moderna fejn il-kwalità tal-ħajja ma tkunx privileġġ imma garanzija, fejn l-opportunitajiet ikunu hemm għal kulħadd, fejn il-komunitajiet tagħna jimxu ’l quddiem u fejn l-innovazzjoni tiggwidana lejn il-ġejjieni,” qal Alex Borg waqt li kompla jispjega kif l-istħarriġ tal-EY ippreżentat f’din il-konferenza juri f’liema oqsma sejrin tajjeb imma jiġbed ukoll l-attenzjoni dwar nuqqas ta’ ħiliet, tħassib dwar ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u l-ispejjeż għoljin li jnaqqsu l-kompetittività.
Irrefera wkoll għas-sinjali ċari li qed jidhru fl-ekonomija, b’rabta mal-infrastruttura li mhix qed tlaħħaq, in-nuqqas ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin tal-familja għall-ħaddiema tagħna u l-problema fil-qasam tal-edukazzjoni.
Hu spjega li l-Partit Nazzjonalista hu lest li jkun sieħeb f’kollaborazzjoni bejn il-gvern, l-oppożizzjoni, is-settur tan-negozju, l-akkademiċi u dawk kollha meħtieġa biex tinħoloq strateġija ta’ kompetittività nazzjonali fit-tul li tmur lil hinn miċ-ċiklu tal-elezzjonijiet. Strateġija li tibgħat il-messaġġ lil kull ċittadin u lil kull imprenditur li Malta tal-lum qed tħares u taħseb lil hinn mill-għada.
Il-Kap tal-PN ippreżenta wkoll il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista biex Malta tkun minn ta’ quddiem fl-innovazzjoni u t-teknoloġija, bl-użu tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika, u l-green technology fost l-oħrajn biex naslu għal titjib fil-produttività tan-negozji, fis-servizzi pubbliċi, fl-edukazzjoni u biex ikollna soċjetà li tqiegħed lill-bniedem fiċ-ċentru.
Tenna li lil uliedna rridu nibdew nagħtuhom il-ħiliet biex iħarsu lejn l-impjiegi ta’ għada, fosthom bi ħsieb kritiku u kompetenza diġitali.
“Dan se jkun l-impenn tiegħi – li nibnu pajjiż li jaħdem għal kulħadd, futur mibni fuq il-ġustizzja, il-progress u l-għaqda. Futur fejn ħadd ma jibqa’ lura. Malta jixirqilha aħjar,” temm jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.
//= $special ?>