Il-Partit Nazzjonalista jesprimi diżappunt kbir li l-Gvern għażel li juża l-ħin tal-Parlament biex japprova Mozzjoni mimlija gideb u attakki partiġjani, minflok jiffoka fuq il-problemi reali li qed jiffaċċjaw il-familji Maltin u Għawdxin.
Fid-dibattitu tal-lum, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg saħaq li din il-Mozzjoni kienet attentat biex tgħatti l-fallimenti tal-Gvern, li llum qed iħalli lill-familji Maltin u Għawdxin jissieltu mal-għoli tal-ħajja, ma’ sistema ta’ trasport li ma taħdimx u ma’ ambjent li kuljum qed jintilef.
Alex Borg qal li flok jindirizza dawn il-problemi, il-Gvern ta’ Robert Abela għażel li jressaq Mozzjoni partiġjana kontra l-Oppożizzjoni f’paniku politiku li juri kemm tilef kull sens ta’ direzzjoni. Hu spjega li r-raġuni vera għalfejn din il-mozzjoni ġiet diskussa proprju llum kienet biex ittellfu milli jattendi għall-ewwel darba s-Summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fi Brussell.
“Imma jien għażilt li nkun hawn, f’isem il-poplu Malti u Għawdxi, għax għalija l-interess nazzjonali jiġi l-ewwel u qabel kollox,” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni. “Robert Abela jrid pajjiż maqsum, imma aħna rridu politika ta’ soluzzjoni, mhux ta’ konfront.”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar li l-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista dejjem ħadmu għall-ġid ta’ Malta u għar-reputazzjoni tajba tal-pajjiż, u li d-dibattitu li fuqu l-Gvern ibbaża din il-Mozzjoni kien approvat bil-barka tal-gruppi politiċi kollha fil-Parlament Ewropew, inkluż is-Soċjalisti li magħhom huwa msieħeb il-Partit Laburista.
“Għall-kuntrarju ta’ dak li jgħid il-Gvern, id-dibattitu fl-Ewropa ma kienx kontra Malta imma favur Malta. Kien favur il-poplu Malti u Għawdxi li jixraqlu istituzzjonijiet serji, ġustizzja effettiva u politika li tħares lejn il-futur b’viżjoni u b’għaqda,” tenna Alex Borg.
Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-użu ħażin tal-Parlament minn Gvern li jpoġġi l-propaganda qabel il-bżonnijiet tan-nies. Il-poplu Malti u Għawdxi jistħoqqlu gvern li jisma’, li jfassal soluzzjonijiet u li jħares l-interess tal-familji u n-negozji, mhux wieħed li jaħli l-ħin jattakka lill-Oppożizzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-impenn tiegħu li jkompli jiddefendi lill-Maltin u lill-Għawdxin, f’Malta u barra minnha, b’umiltà, b’rieda tajba u bil-ħidma konkreta li tressaq soluzzjonijiet veru għall-futur ta’ pajjiżna.
//= $special ?>