Lokali Parlament

Il-PN bi proposti konkreti għat-tisħiħ tal-familji


Graziella Attard Previ, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ sostneit fil-PN li l-proposti tal-PN huma konkreti biex isaħħu l-familji Maltin.
Fl-aħħar tal-ġimgħa, il-PN ħabbar il-proposti tiegħu fir-rigward ta’ Work Life Balance permezz ta’ pakkett ta’ miżuri robusti.


Dawn il-proposti huma investiment fil-familja moderna. Riforma fil-leave għall-ġenituri li jaħdmu. Mizuri estizi għall-ħaddiema kollha, dawk li mal-Gvern, dawk li jaħdmu mal-privat, kif ukoll is-self employed. Pakkett ta’ riforma li l-piż finanzjarju tiegħu jġorru l-Istat.


Din mhijiex l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista qed joħroġ b’miżuri f’dan il-qasam. Fil-fatt, mill-bidu li ġiet negozjata d-direttiva permezz tal-MEP David Casa fl-2019 dwar il-miżuri tal-Work Life Balance għall-familja moderna, mill-ewwel għarafna l-importanza u l-impatt li din id-direttiva, kif ukoll l-miżuri li għandhom u li kellhom jittieħdu mill-gvern, se jkollhom fuq eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin.


Hi qalet li għall-elezzjoni tal-2022 il-Partit Nazzjonalista pprepara pakkett robust ta’ mizuri ta’ Work Life Balance, fejn digà ra l-importanza ta’ dawn il-miżuri bħala kruċjali għall-kwalità tal-ħajja tal-familja moderna, fejn kif jingħad mill-istess isem Work Life Balanc, irid jinstab bilanċ bejn il-ħin għax-xogħol u l-ħin biex il-persuni jgħixu ħajjithom.


Il-PN irrikonoxxa importanza li dawn il-proposti jservu biex tibda tiġi indirizzata l-caring gap li teżisti bejn il-mara u r-raġel. Anki l-aħħar riżultat mill-Eurobarometer ta’ Diċembru 2024, kompla jikkonferma kemm il-familja Maltija għadha domminata minn mentalità u strutturi patrijarkali.


F’dan il-kuntest id-deputat Nazzjonalista semmiet l-caring gap li ħafna drabi twassal għall-inugwaljanza ekonomika bejn is-sessi, il-gender pay gap, gender pension gap u nuqqas ta’ indipendenza ekonomika u r-rata baxxa ta’ trabi li qegħdin jitwieldu f’Malta, li hija fost l-aktar baxxa mill-pajjizi kollha tal-UE.


Hi qalet li meta ddaħħlet il-legal notice 201/2022 tal-Work Life Balance f’Lulju tal-2022 mill-Gvern Laburista, dan kien xħiħ mal-familji Maltin u llimita dawn il-miżuri għall-minimu li kienet tirrikjedi d-direttiva. Il- Partit Nazzjonalista mill-ewwel irreaġixxa u kien voċiferi li l-miżuri li ddaħlu, kellhom ikunu ferm iktar ġenerużi, flessibli u inklussivi. Ir-reazzjoni tas-socjetà civili u NGOs kienet ukoll immedjata u waħda ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon.


Bi proposti aktar ġenerużi li setgħu jilħqu aħjar il-bżonnijiet tal-familja moderna, ma sibniex l-appoġġ mehtieg, għax il-Gvern Laburista ivvota kontra tagħhom.
Il-PN qed jipproponi li l-Paternity leave jiġi estiż minn għaxart ijiem għal 15-il ġurnata u jitħallas full rate, biex il-missier ikun parteċipi fit-trobbija tal-wild mit-twelid. Proposta oħra hi li l-Maternity leave, jiżdied minn 18 għal 24 ġimgħa, bl-aħħar sitt ġimgħat ikunu trasferribli lill-ħenitur l-ieħor, biex nagħtu l-għażla lill-genituri.


Il-PN jipproponi li l-Parental leave jiġi estiż minn tmien ġimgħat għal 28 ġimgħa, maqsum indaqs bejn iż-żewġ ġenituri u mhux trasferibbli biex tiġi promossa r-responsabbilità kondiviza tat-tfal u jitħallas kollu bir-rata ta’ massimu paga medja nazzjonali.


B’dan il-mod żgur li l-parental leave se jkun wisq iktar attraenti milli hu bħalissa, meta l-Gvern qed jagħti tmien ġimgħat imħallsa bir-rata ta’ sick leave u tmien ġimgħat oħra bla ħlas.


Permezz ta’ din il-miżura l-PN qed jindirizza wkoll li jkunu iktar ġenituri irġiel li jieħdu dan il-leave, għax skont statistika li ħareġ il-Ministeru tal-Politika Socjali, fl-2023 – kienu biss 11-il raġel ġenitur li ħadu l-parental leave kontra 564 nisa.


Il-PN ppropona wkoll għajnuna finanzjarja għal ġenituri li jagħżlu li jibqgħu d-dar mat-tfal fit-tieni sena wara t-twelid. Din hi opportunità lil dawk il-ġenituri li jixtiequ jkunu huma li jrabbu lit-tfal tagħhom għal żmien itwal qabel ma jirritornaw għax-xogħol b’għajnuna ekwivalenti għas-sussidji li jagħti l-gvern għall-kura tat-tfal fiċ-childcare centres.


Il-PN qed jipproponi wkoll remote working iktar b’saħħtu kif ukoll flessibilità fil-ħinijiet tax-xogħol.
Aħna kburin li permezz ta’ dawn il-proposti l-Partit Nazzjonalista qed jafferma li għandu l-polz tal-familja moderna Maltija fl-isfidi li qiegħdin jiffaċċjaw biex ikollhom familja u jsibu l-bilanċ li jixirqilhom bejn il-bżonn li jaħdmu u s-sabiħ li jrabbu u jgawdu lill-familja, sostniet Graziella Attard Previ.


Dawn il-miżuri huma investiment fil-familji tagħna, għall-ugwaljanza bejn il-ġeneru u fil-kwalità tal-ħajja tal-familji biex noħolqu ambjent ta’ sostenn li jagħmilha iktar possibbli għall-familji tagħna li jkollhom it-tfal, temmet id-deputat Nazzjonalista.