Tliet żgħażagħ tressqu l-Qorti akkużati li weġġgħu gravi raġel waqt argument allegat li seħħ fil-15 ta’ Ottubru għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħodu f’Triq l-Għoljiet, il-Mellieħa. Quddiem il-Maġistrat Abigail Critien tressqu l-Indjan Bhaskar Raj Singh ta’ 25 sena, il-Bhuttaniż Anuj Kumar Tiwari ta’ 24 sena u n-Nepali Mausam Rana Magar ta’ 22 sena.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukat Martina Calleja mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, assistita mill-Ispetturi Warren Galea u Cheyenne Mangion, spjegat li l-allegat vittma mar fil-Għassa tal-Qawra fejn irrappurta li kien ġie abbużat verbalment minn tliet irġiel waqt li kien sejjer lejn il-venda tal-karozzi tal-linja.
Skont ix-xhieda tiegħu, wieħed mill-akkużati tah daqqa ta’ ponn fejn kellu ’“brazzuletta tal-metall” f’idu, u wara li waqa’ mal-art, it-tliet irġiel ħarbu minn fuq il-post. L-għada, il-vittma ppreżenta ċertifikat mediku li jikkonferma li ġarrab ġrieħi gravi.
Il-vittma sostna li sema’ lill-allegati aggressuri jsejħu lil xulxin b’isimhom u, permezz ta’ ħabib tiegħu, identifikahom bħala Singh u Tiwari, billi aktar tard ikkonferma l-identità tagħhom minn fuq il-midja soċjali. Il-Pulizija, wara li kisbet mandat ta’ arrest, arrestat lil Singh u lil Tiwari fid-19 ta’ Ottubru u sabet il-brazzuletta tal-metall fuq wieħed minnhom.
Matul l-interrogazzjoni tagħhom, dawn semmew lil Magar, student Nepali, li sussegwentement ġie arrestat ukoll. Fil-Qorti, Singh u Magar ġew akkużati li kkaġunaw ġrieħi gravi lill-vittma, filwaqt li Tiwari ġie akkużat li kkaġuna ġrieħi gravi permezz ta’ arma irregolari, jiġifieri l-brazzuletta tal-metall.
It-tlieta wkoll ġew akkużati li kisru l-paċi pubblika, insulentaw u heddew lill-vittma, kif ukoll li għamlu ħsara lil vettura li kienet ipparkjata fil-viċinanzi. Fil-bidu tas-seduta, Singh u Tiwari esprimew l-intenzjoni li jwieġbu ħatja, iżda wara li l-Qorti spjegat il-konsegwenzi ta’ tali ammissjoni, fosthom li jistgħu jintbagħtu l-ħabs, huma ddikjaraw li ma jixtiqux imorru l-ħabs u għalhekk il-Qorti ddeċidiet li kienu bidlu fehmthom bħala mhux ħatja.
L-avukat Jacob Magri, li deher għal Magar, spjega li l-klijent tiegħu, student f’istituzzjoni privata lokali, jiċħad kull involviment u sostna li minn filmati ta’ CCTV jidher li ma pparteċipax fl-aggressjoni. Magri żied jgħid li jekk ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest, dan se jħalli impatt negattiv fuq l-istudji u l-impjieg tiegħu.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest billi qalet li l-vittma għad trid tixhed u hemm biża’ reali li jistgħu jinterferixxu max-xhieda. Madankollu, l-avukati tad-difiża sostnew li l-Pulizija diġà għandha l-filmati tal-inċident u li l-akkużati għandhom indirizzi fiss u huma presunti innoċenti.
Il-Maġistrat Critien eventwalment iddeċidiet li tagħti l-ħelsien mill-arrest lit-tliet akkużati taħt ċerti kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €3,000 kull wieħed. Huma ġew ordnati jiffirmaw tliet darbiet fil-ġimgħa l-għassa tal-Pulizija, ġie impost fuwhom ‘curfew’ u nħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
Singh u Tiwari huma impjegati bħala bartenders, filwaqt li Magar huwa student. Id-difiża ta’ Singh kienet immexxija mill-Avukat Nadya Fiott, dik ta’ Tiwari mill-Avukat Martin Farrugia, u ta’ Magar mill-Avukat Jacob Magri.
//= $special ?>