Internazzjonali

Jonqsu l-prospetti għall-paċi fl-Ukrajna…. fost  il-posponiment tas-summit bejn Trump u Putin

Il-prospetti għat-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna ħadu daqqa ta’ ħarta ġdida wara li uffiċjali f’Washington qalu li ma hemm ‘l-ebda pjani’ biex il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, jiltaqa’ mal-President Russu, Vladimir Putin, fil-futur qarib.

Dan wara li Trump. jiem ilu, tenna li hu u Putin kienu qed jaħsbu biex jiltaqgħu f’Budapest, il-kapitali tal-Ungerija, bl-iskop li jiddiskutu l-konflitt li ilu għal aktar minn tlett snin għaddej fl-artijiet Ukreni.

Il-laqgħa – jew summit – suppost li kien se jsir fil-bidu ta’ Novembru u meta sal-aħħar sigħat, kienu anki għaddejjin it-tħejjijiet lejn dan l-avveniment.

Madankollu, il-White House (f’Washington) qal, issa, li s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio u l-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, kellhom ‘telefonata pożittiva’  bir-riżultat li mhemmx aktar ħtieġa għas-summit tant mistenni.

L-Istati Uniti, sadanittant, ma provdietx wisq dettalji dwar il-posponiment tas-summit – għalkemm, illum, qed jidhru ċari d-differenzi bejn il-proposti tal-Amerikani u l-kundizzjonijiet ta’ Putin għall-paċi…Sitwazzjoni li wkoll għalqet il-bieb għas-summit – almenu għal dawn il-ġimgħat li ġejjin.

Donald Trump, il-ġimgħa l-oħra, kien iddiskuta ‘is-summit ta’ Budapest’ waqt telefonata ma’ Putin u ftit qabel ma kellu laqgħa oħra taħraq, fil-White House, mal-President Ukren, Volodymyr Zelensky…Laqgħa li fiha Trump wettaq pressjoni fuq Zelensky biex jaċċetta l-ħtif tat-territorju Ukren mir-Russi bħala ‘kundizzjoni’ għall-paċi.

Is-sorsi qalu li Trump insista biex l-Ukrajna ċċedi medda kbira ta’ territorju fir-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk bħala parti minn ftehim ma’ Moska.

Iżda Zelensky għadu qed jinsisti li l-Ukrajna ma tistax iċċedi z-zoni li qed tikkontrolla fid-Donbas ( li tinkorpora lil Donetsk u Luhansk)  għaliex b’hekk, fost oħrajn, tkun qed tipprovdi lir-Russi ‘b’aktar bażijiet minfejn jistgħu jkomplu jattakkaw l-ibliet tal-Ukreni’.

Aktar kmieni fil-ġimgħa, Donald Trump deher li kien aċċetta proposta għall-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna… Pjan li hu appoġġjat mill-Gvern Ukren u l-Mexxejja tal-Istati Ewropej alleati ma’ Kiev.

Iżda r-Russja ma tridx  ‘tiffriża’ lill-fronti tal-gwerra attwali – bil-Kremlin f’Moska jirrepeti li l-pożizzjoni tiegħu għadha l-istess…. Dan ifisser ukoll li r-Russja qed tkompli tinsisti għall-irtirar sħiħ tal-qawwiet Ukreni mir-reġjuni lejn il-lvant tal-Ukrajna.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Russu, Lavrov , qal li ‘ir-Russja hi biss interessata f’paċi sostenibbli’ filwaqt li enfasizza l-ħtieġa li l-kawżi ewlenin tal-konflitt ikunu indirizzati.

Il-Gvern f’Moska, fl-istess ħin, irid l-għarfien totali tas-sovranità tar-Russja fuq id-Donbas u biex l-Ukrajna tgħaddi minn proċess ta’ demilitarizzazzjoni….Kundizzjonijiet li bl-ebda mod mhuma se jaċċettaw l-Ukrajna u l-Alleati tagħha fl-Ewropa.

Intant, il-Mexxejja Ewropej u l-President Ukren qed jgħidu li l-battalji jridu jieqfu bilfors fid-diversi bnadi tal-Ukrajna, fost l-akkuża li r-Russja ‘mhix qed tkun serja dwar il-paċi’.