“Għadni Laburist jien. U qed ngħin lil Robert”.
Din hi d-dikjarazzjoni li għamel Keith Schembri fl-aħħar sigħat meta reġa’ tfaċċa b’intervista fuq il-media soċjali, fejn tkellem dwar il-passat politiku tiegħu – intervista li fiha Schembri qed juri biċ-ċar li reġa’ lura fil-Labour, u aktar minn hekk, qed jgħin lill-Prim Ministru Robert Abela.
Keith Schembri ma żvelax x’tip ta’ għajnuna qed jagħti lill-Partit Laburista u lil Robert Abela direttament.
L-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien irriżenja minn membru tal-Partit Laburista f’nofs il-kriżi politika tal-2019. U kien talab lill-President tal-Labour biex jikkonsidra t-tessera tiegħu fil-Partit bħala waħda mwaqqfa.
Waqt l-istess intervista, Keith Schembri esprima l-konvinzjoni tiegħu li l-Labour se jerġa’ jirbaħ l-elezzjoni. U nsista li hu se jagħmel minn kollox biex il-Partit Laburista “jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss”.

