Lokali Qorti

Mhux ħati ta’ theddid u nsulti fil-konfront ta’ raġel ieħor

Massimiliano Cappitta, ta’ 54 residenti l-Belt, Valletta ma nstabx ħati li nsulenta, hedded u nġurja lil raġel ieħor fil-21 ta’ Jannar 2024 bejn is-2:0pm. u t-2:15 pm fin-Naxxar. Huwa ma nstabx ħati li kkommetta dawn l-insulti fil-konfront ta’ Jonathan Vella, permezz ta’ apparat ta’ komunikazzjoni elettronika

Cappitta ġie illiberat mill-akkużi kollha li kienu jinkludu użu mhux xieraq minn apparat elettroniku; u li bi ħsieb li jġib xi gwadann jew biex iġiegħel lill-istess Vella jagħmel jew jonqos milli jagħmel xi ħaġa, hedded li jakkużah jew jimmalafamah.

Matul is-seduta, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace semgħet ix-xhieda kollha prodotti mill-prosekuzzjoni. Jonathan Vella xehed li kien għamel rapport lill-pulizija tal-Għassa tan-Naxxar wara li l-imputat, li kien jaf personalment minħabba negozju preċedenti, allegatament heddu fuq it-telefon.

Skont ix-xhud, Cappitta ċempillu fl-21 ta’ Novembru 2024 bejn it-2 u s-2:30 ta’ waranofsinhar, u hedddu li kien se jmur quddiem id-dar tiegħu, jifqa’ l-grada, u jagħmel ħsara lilu, lill-mara tiegħu u lit-tifla tagħhom.

Il-vittma spjega li kien jaf li l-telefonata ġiet mingħand Cappitta għax irċeviha minn numru li kien ilu jaf u reġistrat taħt ismu. Sostna li d-diskors kien aggressiv u fih theddid serju, li skont hu kien relatat ma’ kwistjoni ta’ flus li tmur lura sa mill-2014.

Filwaqt li Vella ammetta li kien hemm rapport ta’ negozju jew self ta’ flus bejniethom, sostna li l-konversazzjoni ma kinitx argument ordinarju imma kienet ta’ natura ta’ theddid u biża’. Meta ntemmet ix-xhieda tal-vittma, ġie msejjaħ l-imputat Massimiliano Cappitta, li ħalef u ċaħad kategorikament l-akkużi kollha.

Huwa qal li kien iċempel lil Vella regolarment biex dwar flus li kien għad baqalu jagħtih, iżda qatt ma hedddu u li kliemu seta’ deher irrabjat, iżda ma kienx ta’ natura kriminali jew ta’ intimidazzjoni. Il-Qorti, wara li eżaminat ix-xhieda kollha, id-dokumenti u l-provi prodotti, osservat li l-verżjoni tal-vittma u dik tal-imputat kienu kontradittorji u ma kienx hemm provi biżżejjed li jikkonfermaw lil hinn minn kull dubbju raġonevoli li l-imputat wettaq il-fatti kif allegat.

Barra minn hekk, l-evidenza ma kinitx sostanzjata b’korroborazzjoni oħra indipendenti, bħalma huma recordings jew xhieda diretta. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti qieset li l-livell ta’ prova meħtieġ mil-liġi kriminali ma ntlaħaqx, u għalhekk ma setgħetx tiddikjara lill-imputat ħati.