Qorti

Mixli li sawwat u kkawża feriti gravi fuq persuna

Libjan ta’ 41 sena li qal li jaħdem bħala xufier, ġie mixli li fis-17 ta’ Ottubru li għadda waqaf fit-triq ġewwa l-Qawra u sawwat persuna li kkaġunalu feriti gravi. L-Ispettur Warren Galea qal lill-Maġistrat Giannella Busuttil li nhar il-Ġimgħa, il-vittma kien miexi bil-passi meta waqaf ħabib tiegħu b’karozza Peugeot

Wara ġie wieħed li jismu Mahmoud Mohamed Elhurr, li huwa l-akkużat li qallu ‘trid tgħid xi ħaġa’ u beda jsawtu fejn sofra xi ġrieħi, Il-vittma mar fil-klinika tal-Mosta fejn irriżulta li kien qed isofri minn ġrieħi gravi.

Ħareġ li l-akkużat jaħdem ukoll fl-akkwati ta’ San Pawl il-Baħar u għalhekk il-Pulizija waslet għall-identità tiegħu, fejn intalab mandat ta’ arrest u tfittxija u filgħaxija wara li kien mitlub mar l-Għassa tal-Qawra minn jeddu.

Intalab għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-fatt li meta mitlub mar mill-ewwel għand il-Pulizija, li kien ipprovokat u għalhekk qam l-inċident, għandu kondotta tajba u lest li joqgħod għall-kundizzjonijiet kollha li tagħti l-Qorti,

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha għall-ħelsien mill-arrest minħabba li għad irid jixhed il-vittma u l-persuna li kienet miegħu. L-Avukat Noel Bianca qal li l-Qorti għandha timponi ordni ta’ protezzjoni u allura ma hemm l-ebda inkwiet għall-intraċċ tal-provi.

Il-prosekuzzjoni qalet li kemm l-akkużat u l-vittma jgħixu t-tnejn fl-istess lokalità u għalhekk il-biża’ hija ikbar li jiġu kontaminati l-provi. Ingħad ukoll li l-vittma sab xi flus nieqsa, anke jekk mhumiex fl-akkuża u li mhux ċert li verament li l-akkużat joqgħod San Pawl il-Baħar.

Id-difiża rrabattiet billi qalet li rridu noqogħdu mal-akkużi u li meta Elhurr ġie arrestat huwa nstab fir-residenza tiegħu f’San Pawl il-Baħar. Il-Qorti f’dan l-istadju ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, filwaqt li qalet lill-prosekuzzjoni biex tressaq ix-xhieda kemm jista’ jkun malajr.