Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni
L-edukazzjoni diġitali m’għadhiex biss aspett li rridu niddiskutuh, imma rridu nattwawh b’viżjoni u b’għaqal. Id-dinja miexja dejjem lejn aktar diġitilizzazzjoni u għalhekk, l-iskejjel li għandhom iservu biex iħejju lit-tfal u liż-żgħażagħ għad-dinja quddiemhom, iridu jaddattaw u javvanzaw maż-żminijiet. Jidhirli li dan mhux isir biżżejjed u dwaru ilni nitkellem għal snin sħaħ.
Bl-introduzzjoni ta’ laptops u r-riżorsi diġitali għall-istudenti, il-Gvern irid juri li pajjiżna qiegħed jagħmel pass ’il quddiem biex jimmodernizza t-tagħlim. Madankollu, minkejja dawn l-isforzi li għalihom qed isir investiment sostanzjali (għalkemm sal-lum il-Ministru mhux kapaċi jwieġeb kemm hija verament l-ispiża!), jitqajmu diversi dubji dwar kemm tali apparat huwa addattat għall-iskejjel tagħna llum la darba mhumiex attrezzati sewwa. Hemm ukoll ftit tħassib dwar ir-riskji li ġġib magħha t-teknoloġija fi tfal ta’ etajiet bikrin.
Din il-miżura progressiva, jiġifieri l-għoti tal-laptops lill-istudenti tal-Year 7, 8 u 9 parti minn bidla usa’ biex l-għodod diġitali jiġu integrati fil-klassi, u tali miżura hija allineata mal-Istrateġija Diġitali (Digital Education Strategy 2025‑2030) ippubblikata mid-Direttorat għal‑Litteriżmu Diġitali u Ħiliet Trasversali (DDLTS).
L-Istrateġija tiffoka fuq erba’ pilastri: “Nurturing Digital Global Citizens”, “Empowering Educators for the 21st Century”, “Community Engagement and Collaboration”, u “Enriching Digital Resources”.
Fil-qofol tagħha, l-Istrateġija tirrikonoxxi l-ħtieġa li kull student, irrispettivament mill-sfont soċjali jew ekonomiku tiegħu, ikollu aċċess għal kompetenzi diġitali, u tistabbilixxi 16-il miżura u 50 azzjoni strateġika biex jiġi assigurat dan l-iżvilupp. Minkejja dan il-pass fid-direzzjoni t-tajba, inqis li sar ftit li xejn biex din l-Istrateġija ssib il-bażi jew il-pedament biex fuqha tinbena l-edukazzjoni diġitali għaliex b’ħarsa ħafifa lejn l-iskejjel, malajr nintebħu li ftit li xejn inbidel matul dawn l-aħħar xhur f’inkwantu ta’ għodda u riżorsa.
Mela, waqt li l-intenzjoni hija tajba u mistennija għax Malta qed tagħraf li f’dinja konnessa bl-għodod diġitali, il-litteriżmu diġitali mhux għażla, imma huwa imperattiv. Madankollu, waqt li l-apparat qed ikun meqjus bħala l-bażi, l-infrastruttura ta’ appoġġ ma bdietx fuq l-istess livell.
Riżorsi umani u appoġġ tekniku
Bħala Partit Nazzjonalista, konna diġà esprimejna l-appoġġ tagħna għall-Istrateġija tal-Edukazzjoni Diġitali għax l-iskejjel m’għandhomx ir-riżorsi disponibbli għall-implimentazzjoni effettiva. Fil-fatt, fi stqarrija lura għall-bidu ta’ din is-sena, bħala Shadow Minister għall-Edukazzjoni kont spjegajt kif:
L-iskejjel li m’għandhomx biżżejjed riżorsi umani jew appoġġ tekniku dedikat biex jagħmlu l-edukazzjoni diġitali b’mod sħiħ; Xi skejjel li waqqfu l-użu ta’ ‘tablets’ jew ‘laptops’ minħabba problemi fid-distribuzzjoni jew teknoloġiċi se jaffaċċjaw problemi akbar; Problemi bl-aċċess għax mhux kull klassi għandha konnettività ta’ internet; irid isir investiment biex l-għalliema jitħarrġu fl-użu tal-għodod diġitali b’mod effettiv, u t-taħriġ dwar il-litteriżmu diġitali għandu jkun estiż ukoll għall-ġenituri u n-nanniet jew kustodji.
Mela, nistgħu nifhmu li dan kollu jrid isir qabel nibdew nemmnu li f’pajjiżna qegħdin inwettqu xi bidliet kbar fil-qasam diġitali fl-iskejjel. Importanti nifhmu li tfal ta’ etajiet bikrin, fil-livelli ta’ Year 7, 8 u 9 huma tfal għaddejjin bi tranżizzjoni edukattiva u personali.
It-tfal ta’ bejn il-10 u l-13-il sena jkunu qegħdin jiżviluppaw il-ħiliet konjittivi, emozzjonali u soċjali b’mod aktar profond. L-għodod diġitali joffru opportunitajiet kbar, imma wkoll riskji għal dawn l-etajiet.
Riċerki u studji internazzjonali juru xi wħud minn dan it-tħassib. Pereżempju, rapport tal-Organisation for Economic Co‑operation and Development (OECD) juri li madwar wieħed minn kull erba’ studenti ta’ 15-il sena jsibuha diffiċli biex isegwu f’aktar minn lezzjoni jew f’kull lezzjoni tal-matematika minħabba l-użu ta’ apparat diġitali.
Studju ieħor fost tfal ta’ bejn is-7 u l-11-il sena, sab li aktar min-nofs il-kampjun, diġà kienu qed jużaw ‘tablets’ jew ‘smartphones’ għal ħin sinifikanti kuljum u l-awturi relataw iż-żieda tal-istess ‘screen time’ ma’ diffikultajiet ta’ mġiba jew effett fuq l-emozzjonijiet tagħhom.
Barra minn hekk, riċerka fuq it-tfal f’Malta sabet li matul il-pandemija, 69% tat-tfal li jaqsmu l-apparat diġitali fid-dar, kienu biss 7.5% li kellhom spazju dedikat għat-tagħlim li fih setgħu jikkonċentraw kompletament. Dawn huma aspetti li ma nistgħux ma nqisux u ma nagħtux kashom.
B’referenza għal dawn ir-realtajiet, l-aġenda tal-edukazzjoni diġitali f’Malta għandha tassigura li jkun hemm: Taħriġ u appoġġ għat-tagħlim lill-għalliema b’mod kontinwu u sapport aktar elaborat għaliex l-użu tal-laptops huwa biss introduzzjoni, imma l-għalliema jridu jkunu mgħarrfa sewwa kif u meta jistgħu jintegrawhom b’mod sinifikanti fil-pedagoġija b’appoġġ kontinwu.
Ugwaljanza fl-aċċess għax studenti bi sfidi ekonomiċi jridu wkoll spazju adegwat u għajnuna mid-dar biex jirnexxu u allura trid issir kollaborazzjoni interministerjali akbar; Ħin mingħajr skrin u tagħlim ‘unplugged’ għat-tfal ta’ bejn l-10 u t-13-il sena bi skeda strutturata sabiex tiġi msaħħa l-ħila tal-attenzjoni, tal-interazzjoni soċjali, tal-kreattività u tal-attività fiżika.
L-involviment tal-ġenituri u tal-komunità biex timxi f’linearità mat-tielet pilastru tal-Istrateġija Nazzjonali li jenfasizza l-koperazzjoni mal-komunità, iżda dan jeħtieġ azzjoni konkreta bħal workshop għall-ġenituri mtellgħa mill-Kunsilli Lokali, edukazzjoni dwar x’inhi ċ-ċittadinanza diġitali u l-promozzjoni ta’ ħiliet diġitali oħrajn; u monitoraġġ, evalwazzjoni u adattament biex jiġu mħarsa sewwa l-benesseri tal-għalliema u tat-tfal infushom.
Nikkonkludi billi nesprimi l-appoġġ tiegħi għal aktar użu diġitali fl-iskejjel, imma bħalma spjegajt hawn fuq, irridu nippreparaw bis-sħiħ għall-edukazzjoni diġitali qabel ma naraw l-avvanzi li nistgħu niksbu.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 22 ta’ Ottubru, 2025.
//= $special ?>