Ebda assi ppubblikati fl-aħħar sentejn – Uffiċjal fl-OPM jgħajjar ġurnalista maqtula saħħara
Il-Prim Ministru li qed jopponi li jippubblika l-assi tal-Membri tal-Kabinett tiegħu sa mill-2023, il-Prim Ministru li qed jinjora t-trasparenza u l-governanza tajba xahar wara ieħor u l-istess Prim Ministru li qed iħalli uffiċjal fi ħdan l-uffiċċju tiegħu jgħajjar ġurnalista maqtula minħabba xogħolha bħala ‘saħħara’….qed jisħaq li s-saltna tad-dritt f’pajjiżna hija robusta.
Dan qalu hu stess wara li l-Gvern, b’maġġoranza ta’ 9 siġġijiet fil-Parlament, sejjaħ mozzjoni biex jikkundanna l-Oppożizzjoni – mozzjoni li inevitabbilment għaddiet.
Mistoqsi minn Net News dwar din il-mossa negattiva u l-attakki partiġjani minn naħa tal-Gvern, Abela qal li r-rule of law taħt it-tmexxija tiegħu hija robusta…meta fil-verità lanqas biss jidher li għandu kontroll fuq persuni fi ħdan l-uffiċċju tiegħu stess.
Ħamest ijiem qabel il-budget – il-poplu qiegħed jistenna soluzzjonijiet fuq kriżijiet varji li qed iħabbat wiċċu magħhom; it-traffiku u ż-żieda fil-popolazzjoni li waslu għal estremitajiet kbar kawża tan-nuqqas ta’ viżjoni fit-tul ta’ amministrazzjonijiet Laburisti, l-għoli tal-ħajja, l-ansjeta u l-work life balance. Madanakollu, filwaqt li l-Prim Ministru għażel li jinħela f’battibekki u narrattivi partiġjani tas-soltu – serraħ moħħ in-nies li se jkun Budget imsejjaħ espansjonali.
Intant mistoqsi d-domanda sempliċi ta’ x’ħa mbilli għaddietlu mozzjoni b’eżitu ovvju li timmina kwalunkwe kritika indirizzata lejn il-Gvern immexxi minnu, mozzjoni deskritta bħala waħda li ħolqot preċedent perikoluż…il-Prim Ministru għażel li jattakka.
U waqt li l-Gvern qed jinħela f’dawn il-battibekki u partiġjaniżmu, il-poplu qed jibqa’ jistenna soluzzjonijiet tanġibbli – fuq kif fil-verità se jaħli inqas ħin wara l-istirring, se jkollu ħajja irħas u se jgawdi aktar lil familja….u fuq kollox ikollu ħajja sana.
//= $special ?>