Deċiżjoni tal-Pulizija li jwaqqfu mutur li kien suspettat li kien qed jinstaq minn minorenni wasslet għal skoperta importanti f’investigazzjonijiet relatati ma’ żewġ serqiet ta’ muturi u serqa minn dar fis-Siġġiewi, kif instema’ fil-Qorti tal-Maġistrati l-Erbgħa.
Fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil dehru żewġ akkużati – żagħżugħ ta’ 16-il sena u Luca Agius ta’ 21 sena. Agius ġie akkużat li fis-7 ta’ Ottubru seraq mutur minn Bormla u li għamel ħsara fuqu, kif ukoll li fl-20 ta’ Ottubru seraq scooter u wkoll għamel ħsara fuqu. Barra minn hekk, ġie akkużat li daħal f’dar fis-Siġġiewi u seraq passaport u arloġġi, kif ukoll li kiser ordni ta’ probation. Iż-żagħżugħ minorenni ġie akkużat li kien involut fil-istess serqa tad-dar fis-Siġġiewi.
L-Ispettur Jeffrey Scicluna Briffa spjega kif nhar it-Tlieta, għall-ħabta tas-2.15 pm, il-Pulizija ndunaw b’mutur li kien qed jinstaq f’Raħal Ġdid u ssuspettaw li s-sewwieq seta’ kien minorenni. Il-vettura twaqqfet u kien identifikat Luca Agius, li kontrih kien hemm mandat ta’ arrest relatat ma’ serqa ta’ mutur oħra.
Meta saret verifika fis-sistema tal-Pulizija, irriżulta li l-mutur kien insteraq dakinhar stess. Il-minorenni kien qed jivvjaġġa ma’ Agius fuq il-mutur u t-tnejn ġew arrestati għall-interrogazzjoni. Agius kien kooperattiv u qal lill-Pulizija li l-mutur kien insteraq dakinhar. Wara tfittxija ħdejn id-dar tiegħu, instab mutur ieħor li kien ukoll insteraq.
Il-Pulizija stabbilixxew li ż-żewġ muturi kienu ġew użati f’inċident ta’ hit and run. Agius żvela wkoll li hu u l-minorenni kienu daħlu f’dar fis-Siġġiewi u serqu xi oġġetti. L-Ispettur infurma lill-Qorti li żewġ persuni oħra kienu għadhom kemm ġew arrestati b’rabta ma’ din is-serqa, u li d-dar misruqa kienet ta’ ġenituri ta’ wieħed mis-suspettati l-oħra.
Il-minorenni ma riedx jikkopera mal-ewwel, iżda meta ġie konfrontat bil-verżjoni ta’ Agius, ammetta wkoll l-involviment tiegħu. L-avukat tad-difiża ta’ Agius, Nicholas Mifsud, talab għall-ħelsien mill-arrest, billi enfasizza li l-klijent tiegħu kien kooperattiv u ta lill-Pulizija l-informazzjoni meħtieġa li wasslet għall-arrest ta’ oħrajn. Huwa sostna li għalkemm Agius m’għandux kondotta nadifa, għandu jingħata ċans ieħor u li l-ħabs mhux se jgħinu jtejjeb ruħu.
Min-naħa tal-prosekuzzjoni, l-Avukat Clive Aquilina mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sostna li Agius diġà ngħata ċans u jekk kien responsabbli “ma konniex inkunu hawn illum”. Huwa ammetta li l-akkużat għandu bżonn l-għajnuna, iżda insista li l-ħelsien mill-arrest mhux it-triq it-tajba. Żied jgħid li l-persuna li magħha jgħix Agius f’Bormla kienet ukoll taħt arrest b’rabta mal-istess każ.
L-avukat Alexia Falzon Scerri, li qed tiddefendi l-minorenni, ukoll talbet għall-ħelsien mill-arrest billi spjegat li l-klijent tagħha jgħix f’dar ta’ kura u kellu tfulija diffiċli. Iżda Aquilina oġġezzjona, billi nnota li l-vittmi allegati għadhom ma xehdux.
Il-Qorti ċaħdet it-talbiet għall-ħelsien mill-arrest kemm għal Agius kif ukoll għall-minorenni. Il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil irrimarkat li Agius diġà kien instab ħati ta’ reati simili u għalhekk ma setax jingħata ċans ieħor, filwaqt li għall-minorenni l-Qorti qieset li ma setax jinħeles minħabba li l-vittmi għadhom ma xehdux.
Il-Qorti ordnat lill-prosekuzzjoni biex ittella’ x-xhieda ċivili kemm jista’ jkun malajr sabiex il-proċess ikun jista’ jkompli.
ll-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Avukat Clive Aquilina, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali assistit mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna Briffa, Karen Cassar u Christian Xuereb. L-avukat Nicholas Mifsud deher għal Luca Agius, filwaqt li l-avukat Alexia Falzon Scerri dehret għall-minorenni.
//= $special ?>