Budget 2026 Ekonomija Lokali

66% tas-sidien tal-ħwienet jemmnu li l-Gvern sejjer fid-direzzjoni l-ħażina

Il-bżonn ta’ aktar trasparenza u l-ħtieġa li l-Gvern jisma’ b’serjetà l-problemi tan-negozji żgħar u medji huma kruċjali sabiex il-poplu jerġa’ jakkwista fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi.

Dan ħareġ ċar mit-tielet survey ta’ din is-sena li sar mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, u li ġie preżentat dalgħodu.

F’dan is-survey ħadu sehem 456 negozju f’pajjiżna, fosthom ħafna ħwienet, distributuri, kif ukoll kumpaniji fil-manifattura u l-kostruzzjoni.

L-istħarriġ wera illi l-problema tat-traffiku f’Malta qed tiggrava b’rata allarmanti, b’konsegwenzi diretti fuq in-negozji u l-kwalità tal-ħajja. Il-konġestjoni tat-traffiku, li saret rutina ta’ kuljum speċjalment wara l-bidu tas-sena skolastika, qed tnaqqas il-produttività u żżid l-ispejjeż tal-operat għal tal-ħwienet.

Skont iċ-Chamber tal-SMEs, żewġ terzi tan-negozji jqisu l-infrastruttura dgħajfa u n-nuqqas ta’ direzzjoni ċara fil-politika tal-Gvern bħala l-akbar sfidi għat-tkabbir tagħhom.

Din is-sitwazzjoni wasslet ukoll għal nuqqas ta’ fiduċja fost is-sidien tal-ħwienet, illi jqisu li bħalissa mhux żmien xieraq biex jinvestu – sinjal ta’ nuqqas ta’ fiduċja fil-pjan ekonomiku ta’ dan il-Gvern.

Skont is-survey illi sar, 66% qed jgħidu li l-Gvern miexi fid-direzzjoni l-ħażin. Dan filwaqt li l-maġġoranza assolata mhux komdi li jinvestu fit-12-il xahar li ġejjin.

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji qed tinsisti fuq politika fit-tul u miżuri konkreti, fosthom żieda fl-għajnuna taħt il-programm Micro Invest u aktar inċentivi finanzjarji biex jinkoraġġixxu lin-negozji jinvestu fl-infrastruttura diġitali u jsaħħu l-kompetittività tagħhom.