Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Joseph Gatt, iddikjarat bħala invalidu l-arrest ta’ raġel ta’ 24 sena wara li nstab li l-Pulizija ma infurmawhx dwar ir-raġuni ta’ arrest tiegħu fil-mument li ġie arrestat, kif meħtieġ mil-liġi.
Anton Joseph Debono, imwieled Moska u residenti Malta, tressaq il-Qorti l-Ħamis akkużat li hedded u insulta lil surġent tal-Pulizija, li kkaġunalu ġrieħi ħfief, kif ukoll li rreżista l-arrest u ostakola lill-Pulizija waqt li kiser il-paċi pubblika.
L-inċident seħħ fit-taqsima tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei fit-21 ta’ Ottubru, meta Debono kien mar hemm biex jingħata kura għal ġrieħi li kien diġà sofra f’inċident ieħor. Skont ix-xhieda, waqt li kien qed jistenna biex jagħmel operazzjoni huwa allegatament insulta lill-membri tas-sigurtà u lill-istaff tal-isptar b’kummenti bħal “l-Indjani aħjar minnkom,” li wasslu biex is-sigurtà tal-isptar ċemplet għall-assistenza tal-Pulizija.
Meta waslu l-Pulizija, erba’ uffiċjali ppruvaw jarrestawh, iżda wieħed minnhom allegatament qabdu minn fejn kellu l-ferita. F’dak il-mument, Debono allegatament ta daqqa ta’ ras lill-istess uffiċjal, li sofra ġrieħi ħfief. Huwa ġie mmanettjat u tpoġġa fuq stretcher.
Madanakollu, kien biss aktar minn siegħa wara li l-Pulizija informawh għaliex kien qed jinżamm taħt arrest. Id-difiża, immexxija mill-avukat Veronique Dalli assistita minn Dean Hili, qajmet il-kwistjoni skont l-Artikolu 355AC tal-Kodiċi Kriminali li jiddikjara li kull persuna għandha tkun infurmata immedjatament dwar ir-raġuni ta’ arrest tagħha, anke jekk is-sitwazzjoni tkun waħda “ovvja.”
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet u rat il-filmati mill-bodycams tal-pulizija, il-Qorti qablet mal-argument tad-difiża. Il-Maġistrat osserva li, għalkemm kien ċar għaliex Debono ġie arrestat, l-informazzjoni dwar ir-raġuni legali tal-arrest ingħatat biss wara aktar minn siegħa. Għalhekk, l-arrest ġie ddikjarat invalidu.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi u tħalla jitlaq mill-Qorti. Il-każ għadu għaddej.
Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Elton Buckingham, filwaqt li l-avukati Veronique Dalli u Dean Hili dehru għall-akkużat.
//= $special ?>

