Ir-rebbieħ overall tas-46 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race hu l-jott Balthasar immexxija minn Louis Balcaen. Ir-Royal Malta Yacht Club ikkonferma li l-ebda jott li kien għadu fit-tellieqa ma seta’ jtejjeb il-ħin ikkoreġut ta’ Balthasar taħt il-klassifikazzjoni IRC.
L-ekwipaġġ ta’ Balthasar kien iffurmat minn Louis Balcaen, Arianne Van de Loosdrecht, Bouwe Bekking, Diego Torrado, Dirk de Ridder, Harry Owens, Harry Smith, Henri Demesmaeker, Jaime Ward, Javier De la Plaza, Jens Dolmer, Juan Totto, Louis-Robert Cool, Max Deckers, Pablo Arrarte, Rogier van Overveld, u Simbad Quiroga.
“Din it-tellieqa verament tat prova ta’ kollox — id-dgħajsa, l-ekwipaġġ u l-paċenzja tagħna,” qal Louis Balcaen. “Mill-bidu konna nafu li kienet se tkun aktar logħba mentali milli fiżika. Il-kundizzjonijiet dehru faċli imma fil-verità kienu ħafna aktar ta’ sfida: xita qawwija, bidliet bla tmiem fir-riħ, u perjodi twal fejn żball wieħed seta’ jkisser sigħat ta’ xogħol. Kollox kien dwar li nibqgħu kalmi, konsistenti u nemmnu f’xulxin.”
It-tattiku ta’ Balthasar, Bouwe Bekking, ilu jbaħħar mal-familja Balcaen għal aktar minn 20 sena. Hu veteran ta’ tmien tellieqa madwar id-dinja, inklużi erbgħa bħala skipper u bi sitt podji. Din hija t-tieni darba li rnexxielu jirbaħ ir-Rolex Middle Sea Race, wara s-suċċess tiegħu ma’ Morning Glory fl-2006.
Balthasar se tkun ippreżentata bit-trofew tar-Rolex Middle Sea Race waqt iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni nhar is-Sibt 25 ta’ Ottubru.
//= $special ?>