Laurence des Cars, id-Direttur tal-Louvre f’Parigi ċaħdet dak li qalu diversi Ministri Franċiżi f’konferenzi tal-aħbarijiet li s-sistema tas-sigurtà fil-mużew hija waħda tajba.
Des Cars kienet qed tirrispondi mistoqsijiet iebsin li għamlulha s-senaturi Franċiżi matul laqgħa li damet sagħtejn u kwart. Hi sostniet li kienet ġibdet l-attenzjoni diversi drabi li c-CCTV cameras mhux biss kienu qodma, iżda l-unika camera li hemm fuq il-bini minn fejn daħlu l-ħallellin kienet tħares f’direzzjoni oħra flok lejn is-sular li jwassal għall-gallerija Apollo, fejn kien hemm il-ġojjelli li nsterqu.
Dan wassal biex ħadd ma ntebaħ fil-pront meta grupp ta’ ħallellin telgħu fl-ewwel sular u serqu ġojjelli b’valur ta’ valur 88 miljun euro.
L-istqarrija ta’ des Cars tat stampa ċara u allarmanti dwar kemm hi fqira s-sigurtà fil-mużew li fih jidħlu l-akbar ammont ta’ viżitaturi fid-dinja. Is-sena l-oħra biss, kienu irreġistrati 8.7 miljun viżitatur u minkejja dan qatt ma sar investiment adegwat.
Hija kompliet tgħid li hemm bosta partijiet mill-infrastruttura fil-mużew li huma wisq qodma biex jaddattaw għal teknoloġiji avvanzati.
L-intervent ta’ des Cars kien xokkanti għas-senaturi Franċiżi meta spjegat l-inadegwatezza tas-sigurtà tal-Louvre.
Des Cars qalet li kienet ġiet imwissija dwar kemm hi obsoleta s-sigurta’ fil-Louvre, għal kuntrarju tal-mużew d’Orsay fejn kienet ħadmet qabel. Meta ħadet ir-riedni f’idejha fil-Louvre, fl-2021 hi riedet tirdoppja in-numru tac-CCTV cameras. Imma mhux talli ma kienux milqugħa t-twissijiet tagħha, talli tnaqqas l-istaff tas-sigurta’ u s-surveillance.
Des Carte offriet ir-riżenja tagħha iżda din ma kinitx milqugħa mill-Ministru tal-Kultura.
//= $special ?>