Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika u l-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) iffirmaw ftehim kollettiv dwar l-impjegati fil-gradi tas-social work.
Dan il-ftehim il-ġdid hu konformi mal-ftehim li kien sar bejn is-Santa Sede u r-Repubblika ta’ Malta fl-1991 li jistabbilixxi li l-impjegati kollha meħtieġa għas-servizz edukattiv fl-Iskejjel tal-Knisja għandhom jibbenefikaw mill-istess kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawk li jaħdmu fl-iskejjel statali.
Dun Mark Ellul, id-Delegat għall-Edukazzjoni Kattolika, saħaq li fil-qalba tal-missjoni edukattiva tal-Knisja l-għażla preferenzjali hija favur il-‘fqir’. Saħaq li l-professjonisti fi ħdan is-Segretarjat fil-gradi tas-social work huma fost dawk li jwettqu din il-missjoni b’mod konkret, fis-skiet u b’dedikazzjoni fost il-familji li għandhom lil uliedhom fl-Iskejjel tal-Knisja, partikolarment dawk l-iktar vulnerabbli jew emarġinati.
“Illum il-faqar f’Malta u Għawdex għandu diversi forom, minn dawk neqsin minn ħtiġijiet materjali għal oħrajn li għandhom iktar ħtieġa ta’ għajnuna emozzjonali, psikoloġika u soċjali,” spjega Dun Mark Ellul. Hu żied jgħid li dawn l-istess professjonisti jgħinu wkoll fil-ħarsien tas-sigurtà u l-benesseri tal-istudenti minn forom ta’ abbużi – ħidma importanti ferm għall-Knisja li ssir f’kollaborazzjoni sħiħa mas-Safeguarding Commission u l-awtoritajiet ċivili.
Is-Sur Paul Pace, il-President tal-MUMN, faħħar l-impenn tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika sabiex ikompli jsaħħaħ il-qagħda u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati tiegħu. Hu rringrazzja wkoll lill-Gvern, li miegħu ntlaħaq il-ftehim oriġinali u li fuqu nbena dan il-ftehim għas-settur tal-Iskejjel tal-Knisja.
Il-President tal-MUMN fakkar li s-soċjetà Maltija għandha bżonn żgħażagħ li jimpenjaw ruħhom f’dawn l-oqsma soċjali, u għalhekk għandha tkompli tkun grata lejn dawk kollha li jagħtu kontribut f’dan il-qasam tant sensittiv. Insista li l-MUMN kienet, għadha u tibqa’ kommessa biex il-kategoriji kollha rappreżentati minnha, fosthom dawk li jservu fil-gradi tas-social work, ikollhom il-ħidma tagħhom rikonoxxuta u kompensata kif jixraqilhom.
Għall-ftehim, li ġie ffirmat illum il-Ħamis, 23 ta’ Ottubru 2025 fl-uffiċini tas-Segretarjat f’Ħal Balzan, attendew ukoll membri mill-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja u mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, kif ukoll uħud mill-impjegati li ser jibbenefikaw mill-ftehim.
//= $special ?>