Il-Gvern Malti, reġa’ fetaħ l-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana, għall-Pluvieri u għall-Imlievez.
Minkejja li żewġ sentenzi ċari tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jikkonfermaw li l-insib jikser il-liġi tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern ta’ Robert Abela, bl-iskuża falza ta’ “riċerka” għal skopijiet xjentifiċi, qed ikompli jippermetti l-insib mifrux tal-għasafar. L-evidenza mis-snin ta’ qabel turi biċ-ċar li prattikament in-nassaba kollha, jonsbu illegalment u jżommu l-għasafar fil-gaġeġ minflok jeħilsuhom.
Sostniet dan fi stqarrija, BirdLife Malta fejn fost l-oħrajn semmiet kif matul is-sena 2025, ġew awtorizzati 2,932 siti għall-insib tal-għasafar tal-għana u 1,641 sit għall-Pluvieri u l-Imlievez – żieda ta’ 177 sit meta mqabbla mas-sena preċedenti.
Fl-istess stqarrija, Birdlife Malta kompliet tgħid li stħarriġ li għamlet matul fl-2023, wera li madwar
51,400 għasfur tal-għana inqabdu illegalment taħt l-istess deroga fi staġunwieħed. Dan filwaqt li n-numru ta’ siti reġistrati għall-insib tal-għasafar tal-għana kompla jiżdied – minn 2,616 fl-2023 għal 2,932 fl-2025.
BirdLife Malta, kompliet tgħid li reġgħet nediet mill-ġdid l-għodod meħtieġ għall-pubbliku biex jagħraf bejn siti għall-insib awtorizzati u dawk li mhumiex – bl-għan li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-infurzar.
L-għaqda ambjentali, temmet tesprimi l-frustazzjoni tagħha għall-fatt li riċentament, il-Ministru Clint Camilleri mar Brussell u ltaqa’ mal-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent – iżda din iż-żjara ma bidlitx l-obbligi legali ta’ Malta. BirdLife Malta, Kompliet tisħaq li l-ebda laqgħa jew negozjar ma jistgħu imorru kontra l-liġi tal-UE jew is-sentenzi tal-Qorti Ewropea.