Internazzjonali

Il-Papa u r-Re Karlu: Talba storika li taffiet mid-diżgwid reliġjuż li ilu għal 500 sena

Ir-Re Karlu tal-Ingilterra u l-Papa Ljun XIV fetħu paġna ġdida fl-istorja meta ngħaqdu flimkien f’talba fil-Kappella Sistina tal-Vatikan…Mument storiku u simboliku għall-Kattoliċi u l-Anglikani madwar id-dinja, bl-avveniment jitqies bħala ‘avviċinament bejn dawn il-Knejjes’.

Il-Papa mexxa din iċ-ċerimonja ta’ talb  waqt servizz ekumeniku u meta din kienet ukoll l-ewwel darba f’dawn l-aħħar 500 sena li l-Kap tal-Monarkija Britannika, li hu wkoll il-Gvernatur Suprem tal-Knisja tal-Ingilterra, ingħaqad f’servizz pubbliku mal-Kap tal-Kattoliċi.

L-era tar-Riformazzjoni fl-Ingilterra bdiet meta r-Re Enriku Tmienja kien inqata’ mill-Knisja biex ikun jista’ jiddivorzja lir-Reġina Katerina ta’ Aragon u jiżżewweġ lil Anne Boleyn…it-tieni fost is-sitt nisa ta’ Enriku li kienet spiċċat maqtula fuq l-ordni tar-Re u fuq akkużi ta’ adulterju.

Ir-Re Enriku, intant, kien waqqaf il-Knisja tal-Ingilterra fis-seklu sittax u l-aħħar sekli kienu karatterizzati b’nuqqas ta’ fiduċja reċiproka bejn din il-Knisja u l-Knisja Kattolika.

Sadanittant, iċ-ċerimonja fil-Kappella Sistina saret ukoll fil-preżenza ta’ diversi Kardinali u fi żmien meta r-Re Karlu u r-Reġina Camilla għaddejjin bi żjara ta’ jumejn fil-Vatikan.

Preżenti wkoll fil-Vatikan kien hemm is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Yvette Cooper, li qrat mill-Ittra lir-Rumani waqt is-servizz.

Fl-aħħar xhur, il-moviment ekumeniku li qed jimpenja l-għaqda fost il-Kristjani żied l-opportunitajiet biex il-Kattoliċi u l-Anglikani juru sens akbar ta’ kooperazzjoni filwaqt li jkattru sens akbar ta’ unità – kuntrarju għa-sitwazzjoni li eżistiet fl-aħħar sekli.