Waqt il-Kunsill Ewropew fi Brussell, il-President tal-Parlament Ewropew u MEP Nazzjonalista Roberta Metsola saħqet li Il-Parlament se jirsisti biex ir-regoli tal-UE jkunu aħjar, aktar sempliċi u aktar faċli għan-negozji u n-nies.
Il-President Metsola qalet li l-Parlament Ewropew jifhem it-tħassib tan-nies li jridu postijiet fejn joqogħdu li huma affordabbli u għall-ewwel darba, ħoloq Kumitat Speċjali dwar l-Akkomodazzjoni Affordabbli.
Roberta Metsola qalet li l-approvazzjoni tad-19-il pakkett ta’ sanzjonijiet tal-UE fuq ir-Russja hija pass importanti hekk kif l-Ewropa titbiegħed mid-dipendenza fuq l-enerġija li ġejja mill-gass u ż-żejt tar-Russja. Kompliet li dan mhux biss dwar l-appoġġ lill-Ukrajna iżda huwa dwar is-sigurtà kollettiva Ewropea. Għas-summit tal-mexxejja Ewropej tal-lum attenda wkoll il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy.
Il-President Metsola ddeskriviet l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani bħala “mument ta’ tama storika.” Appellat għall-implimentazzjoni sħiħ tal-pjan ta’ paċi. Hija qalet li l-Ewropa trid tkompli tagħti s-sehem tagħha.
Il-President Metsola tiltaqa’ mal-President tal-Eġittu Al-Sisi
Fi Brussell, il-President Metsola kellha wkoll laqgħa mal-President tal-Eġittu Abdel Fattah Al-Sisi. Il-President Metsola qalet li bħala sieħeb ewlieni għall-prosperità u l-istabbiltà fil-Lvant Nofsani u fir-reġjun, l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi r-rwol ewlieni u kostruttiv tal-Eġittu fl-isforzi għall-paċi f’Gaża. Din kienet l-ewwel żjara uffiċjali tal-President Al-Sisi fil-Parlament Ewropew. Din issegwi it-taħditiet li kellha l-President Metsola fil-Kajr f’Jannar, fejn il-laqgħat iffokaw fuq is-Sħubija Strateġika u Komprensiva bejn l-UE u l-Eġittu, li għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni f’diversi setturi, fosthom l-immigrazzjoni u l-ażil, il-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani u l-iżviluppi f’Gaża u s-Sirja.
//= $special ?>