Lokali Parlament

Ix-Shadow Minister Stephen Spiteri jitlob biex il-formolarju tal-gvern ikun diskuss fil-kumitat


Stephen Spiteri, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri qal fl-Aġġornamen tal-Parlament li jeħtieġ investiment biex Malta ġġib l-aqwa mediċini għall-pazjenti Maltin.

Stephen Spiteri qal li nhar it-Tnejn il-gvern ressaq mozzjoni fil-Parlament biex ikunu diskussi l-mediċini ġeneriċi u sostna li dawn huma l-pilloli li jintużaw b’mod vast kemm fil-formalorju tal-gvern kif ukoll fil-qasam privat mediku.

Hu kompla li hu tajjeb li ssir diskussjoni profonda fil-Parlament dwar il-mediċini ġeneriċi għaliex dan hu qasam li għandu jkun rispettatat. Kien Gvern Nazzjonalista li ħoloq f’Malta industriji farmaċewtiċi li jimpjegaw mijiet ta’ ħaddiema u li kkontribwixxew bil-kbir mhux biss fl-impjiegi iżda wkoll fl-ekonomija.

Id-deputat Nazzjonalista qal li mas-saħħa m’hemmx kompromessi biex ikun assigurat li jkun hemm iktar mediċini ġodda u l-aħjar mediċini fuq il-formolarju partikolarmet fil-kura tal-kanċer biex iktar nies ikunu kkurati.

Hu kompla li l-mediċini innovattivi jintużaw fl-Ewropa iżda Malta tinsab fl-aħħar post. Il-PN hu impenjat li jara li jkun hemm l-aqwa investiment għaliex mhux ġust li fis-saħħa jkun hemm diżugwaljanza.

Il-gvern għandu joħloq mezzi biex jgħin lil min hu l-iktar batut, sostna Stephen Spiteri, li appella liċ-Chairperson tal-Kumitat għas-Saħħa biex il-formolarju tal-gvern ikun diskuss fil-kumitat biex dan ikun imtejjeb. Jeħtieġ li jinbidlu s-sistemi fil-formalarju tal-gvern biex is-saħħa tkun tal-aħjar kwalità mingħajr distinzjoni u biex il-mediċini jkunu tal-ogħla livell.