Internazzjonali

L-Istati Uniti timponi s-sanzjonijiet ġodda għar-Russja…bit-tama li twassal għat-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna

L-Istati Uniti ħabbret l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet ġodda għall-akbvar żewġ kumpanniji taż-żejt fir-Russja…Dan qed isir biex Moska u l-President Vladimir Putin  jinnegozjaw ftehim għall-paċi fl-Ukrajna.

Il-konferma tas-sanzjonijiet ingħatat jum biss wara tħassar is-summit tant mistenni bejn Putin u l-President Amerikan Donald Trump.

Intant, Trump, issa , ammetta li ‘mhuma jaslu mkien id-diskorsi mal-Mexxej Russu fl-interessi tal-paċi’.

Għalkemm l-impatt tas-sanzjonijiet ġodda għandu jkun minimu għar-Russja minn aspett ekonomiku, il-pass jindika wkoll bidla notevoli fl-atteġġjament ta’ Trump lejn Putin…Dan wara li l-President Amerikan kien ilu jtenni li għandu ‘relazzjonijiet personali tajbin’ mal-President Russu.

L-iżviluppi anki jissimbolizzaw u-turn min-naħa ta’ Trump wara li hu, jiem ilu, qal li ma kellux jmponi s-sanzjonijiet għal Moska għaż-żmien kollu li l-Istati Ewropej jkomplu jixtru ż-żejt mingħand ir-Russi.

Min-naħa tiegħu, il-Kremlin f’Moska ħareġ messaġġ li l-aħħar sanzjonijiet mhumiex se jħallulu xi effett partikulari.

Hu minnu wkoll li Donald Trump, sallum, żamm lura mill-miżuri aktar iebsa għal Moska  minkejja li Putin jidher li jrid itawwal il-konflitt fl-artijiet Ukreni …Konfltt li ilu għal tlett snin u nofs.

Jista’ ikun ukoll li l-Istati Uniti mhix se tibqa’ taddotta politika ta’ newtralità f’din il-gwerra…Dan għaliex Washington qed isir dejjem aktra frustrat bl-aġir tal-Kremlin li kompla jostakola l-proċess għal paċi potenzjali.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, kien ilu x-xhur iħeġġeġ għal dawn is-sanzjonijiet għar-Russja  — b’Zelensky, issa, itenni li ‘is-sanzjonijiet iridu wkoll jitqiesu bħala sinjal tajjeb minn Washington’. Il-Gvern Ukren qed jisħaq li ftehim għal waqfien mill-ġlied għandu jsir aktar possibbli li kieku pajjiżi oħrajn iwettqu pressjoni akbar fuq ir-Russja.

Fl-istess ħin, Trump, issa, qed jikkritika lil Putin dwar il-fatt li ‘hu (Putin) ma jridx il-paċi bis-serjetà’ – bil-President Amerikan qed jistenna wkoll żblokk fis-sitwazzjoni, bis-saħħa tas-sanzjonijiet….Sanzjonijiet li għandhom ikunu rtirati malajr f’każ li r-Russja taqbel biex twaqqaf din il-gwerra.