L-Istati Uniti ħabbret sanzjonijiet ġodda fuq l-akbar żewġ kumpaniji taż-żejt tar-Russja – Rosneft u Lukoil. Dan qed isir biex tiżdied il-pressjoni fuq Moska, ħalli Putin jinnegozja ftehim għall-paċi fil-Lvant tal-Ewropa. Min-naħa tiegħu, il-President Amerikan, Donald Trump; qal li jittama li l-miżuri jwasslu għall-progress.
Waqt laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tan-NATO Mark Rutte fil-White House, Donald Trump tenna, “Kull darba li nitkellem ma’ Vladimir, ikollna konverżazzjonijiet tajbin, iżda qatt ma jwasslu għal xejn.”
Is-Segretarju tat-Teżor tal-Istati Uniti, Scott Bessent qal li l-kumpaniji taż-żejt jiffinanzjaw il-“magna tal-gwerra” tal-Kremlin, u ħeġġeġ lil Moska biex “twaqqaf il-qtil u taqbel għal paċi.” Ir-Renju Unit, l-Unjoni Ewropea, u alleati oħra laqgħu din il-mossa – b’restrizzjonijiet Ewropej ġodda mmirati wkoll lejn l-esportazzjonijiet tal-enerġija Russa.
//= $special ?>