Il-kriżi tat-traffiku hja problema li qed tolqot lill-poplu kollu, lill-familji, l-istudenti, it-tfal, l-anzjani u anka n-negozji. Problema li bla dubju ta’ xejn qed tħalli impatt negativ ukoll fuq il-produttività u fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Kien għalhekk li Net News staqsa lill-Ministru Silvio Schembri dwar l-impatt li l-kriżi tat-traffiku qed tħalli fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna. Bil-Ministru ma jkunx jaf iwieġeb kemm hi din l-ispiża – biex spiċċa bagħatna għand il-Ministru tat-Trasport.
L-istħarriġ li għamlet il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, wera li l-problema tat-traffiku qed tiggrava b’mod allarmanti; b’konsegwenzi diretti fuq in-negozji, tant li qed tnaqqas il-produttività u żżid l-ispejjeż tal-operat għal tal-ħwienet.
Intant, Net News staqsa lill-Ministru Silvio Schembri jekk hu jaqbilx mal-Prim Ministru dwar is-sistema tat-trasport tal-massa jew jaħsibx li l-Ministru Clyde Caruana għandu raġun. B’Silvio Schembri jgħid li hu jaqbel li nidħlu għal dan il-proġett maġġuri.
Dan minkejja li anka hu tenna li hemm bżonn ta’ attenzjoni dwar kif jintefqu flejjes kbar.
Skont l-aħħar stimi tal-Gvern, din is-sistema tat-trasport taf tiswina 2.8 biljun ewro. Ċifra li hi n-nofs ta’ dak li l-Gvern kien qed jistma oriġinarjament meta qabbad lid-ditta ARUP biex tagħtih il-pariri.
Sa issa, għadu mhux ċar kif in-nefqa ta’ proġett bħal dan niżlet b’dan il-mod drastiku, u jekk il-kalkoli humiex tassew korretti.
//= $special ?>