L-Istati Uniti qed twissi lil Iżrael biex ma jieħux passi li jistgħu jostakolaw il-pjanijiet tal-Gvern Amerikan biex itemm il-konflitt ta’ Gaza….Dan meta s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio, ikkritika l-pass min-naħa tal-Parlament Iżraeljan biex jikkonferma s-sovranità totali ta’ Iżrael fuq l-artijiet okkupati tax-Xatt tal-Punent.
L-Istati Uniti, fil-preżent, qed tagħmel li tista’ biex issalva l-ftehim għall-paċi fraġli bejn Iżrael u t-terroristi Palestinjani tal-Ħamas. U Marco Rubio għamilha ċara li l-Istati Uniti mhix se tappoġġja l-istrateġija tal-Iżraeljani biex jgħaqqdu l-artijiet tax-Xatt tal-Punent mat-territorji tagħhom bħala parti minn proċess lejn ‘Iżrael akbar’.
Sadanittant, il-politiċi Iżraeljani tal-lemin estrem ħadu l-pass simboliku fil-Knesset (Parlament) biex jagħtu l-approvazzjoni preliminarja lill-abbozz li suppost jikkonferma l-awtorità lil Iżrael biex jgħaqqad ix-Xatt tal-Punent ma’ artu.
U waqt li kien qed itemm żjara f’Iżrael, il-Viċi-President Amerikan, JD Vance, qal li ‘jekk dan il-pass minn Iżrael kien intenzjonat bħala gimmick politiku, il-pass irid jitqies ukoll bħala wieħed stupidu għall-aħħar…’ Pass li JD Vance innifsu ‘qed iħossu anki bħala insult personali.’
Il-Gvern Amerikan, issa, qed jinsisti li l-istatus tax-Xatt tal-Punent se jibqa’ kif inhu bħala parti mill-politika ta’ Washington – ‘u li l-voti li jittieħdu min-naħa tal-Iżraeljani se jibqgħu sempliċiment, voti simboliċi.’
Il-Palestinjani jridu li x-Xatt tal-Punent, li ilu okkupat mill-Iżraeljani mill-1967, ikun parti minn Stat Palestinjan indipendenti. Intant, il-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali, is-sena l-oħra, qalet li l-okkupazzjoni tax-Xatt mill-Iżraeljani għandha titqies illegali taħt il-liġi internazzjonali.
//= $special ?>