Kummerċ Lokali

Melita tniedi VoLTE roaming f’destinazzjonijiet madwar id-dinja

Melita Limited nediet is-servizz ta’ VoLTE roaming għall-klijenti mobbli tagħha li jivvjaġġaw lejn l-Awstralja, l-Italja, ir-Renju Unit, il-Polonja, il-Lussemburgu, l-Awstrija, il-Belġju u l-Iżvizzera, b’aktar pajjiżi mistennija jibdew joperaw fil-ġimgħat li ġejjin. Dan l-iżvilupp ifisser titjib sinifikanti fil-kwalità tat-telefonati fuq il-mowbajl għall-klijenti li jużaw il-VoLTE meta jkunu barra minn Malta.

VoLTE huwa diġà disponibbli fuq in-netwerk mobbli ta’ Melita madwar Malta u Għawdex, u din l-estensjoni internazzjonali se tippermetti telefonati ta’ kwalità ogħla kemm f’Malta kif ukoll waqt is-safar. Destinazzjonijiet oħra se jkomplu jiżdiedu bħala parti mill-impenn kontinwu ta’ Melita li twassal konnettività mingħajr xkiel madwar id-dinja.

VoLTE, jew ‘Voice over LTE’, hija teknoloġija li tippermetti li jsiru sejħiet bil-vuċi fuq netwerks ta’ 4G jew 5G minflok fuq in-netwerks tradizzjonali ta’ 2G jew 3G. Ir-riżultat huwa sejħiet ċari daqs il-kristall, konessjoni aktar veloċi u kopertura mtejba.

James Spina, Chief Technology Officer ta’ Melita, qal: “Melita hija impenjata li twassal l-aħjar esperjenza mobbli lill-klijenti tagħna, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment. L-introduzzjoni ta’ VoLTE roaming hija pass ieħor ’il quddiem fl-isforzi tagħna biex nipprovdu servizzi mobbli moderni u ta’ kwalità għolja u biex nippreparaw għall-futur, hekk kif it-teknoloġiji tan-netwerks tradizzjonali jitneħħew gradwalment.”

Biex igawdu minn VoLTE kemm f’Malta kif ukoll waqt ir-roaming, il-klijenti għandhom jiżguraw li l-apparat mobbli tagħhom jissaportja l-VoLTE u li l-funzjoni tkun attivata. Istruzzjonijiet dwar kif tattiva il-VoLTE huma disponibbli fuq il-website ta’ Melita.