Knisja Lokali

Mons. George Bugeja joffri r-riżenja tiegħu wara 10 snin ta’ servizz u dedikazzjoni bħala Isqof fi Tripli

L-Arċidioċesi ta’ Malta rringrazzjat u onorat lil Mons. George Bugeja, “qħall-qalb, id-dedikazzjonai u l-kuraġġ li wera tul l-għaxar snin ta’ servizz bħala Isqof ta’ Tripli fil-Libja.”

Dan il-messaġġ kien ippostjat fuq il-fb page uffiċjali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, wara li kienet imħabbra r-riżenja tiegħu bħala Isqof ta’ Tripli u li din ir-riżenja kienet ġiet milqugħa mill-Papa Ljun. L-isqof Bugeja kien ġie nominat Isqof fi Tripli minn Papa Francesco f’Ġunju ta’ 2015.

F’messaġġ fuq is-social media, Mons Bugeja kiteb, “Waqt li nirringrazzja lil Alla u lil Madonna għal dawn l-għaxar snin li għaddew fis-servizz tal-Knisja fi Tripoli ngħarraf li llum f’nofsinhar gie mħabbar li temmejt dan is-servizz u li Patri Magdy Helmy qed jinħatar bħala Amministratur. Grazzi u Berkuni,”

Mons Bugeja serva għal dawn l-aħħar għaxar snin fil-Libja fost ġlied intensiv, ajrupporti magħluqa u perikli kontinwi, Bugeja spjega kif il-Knisja fil-Libja topera qalb ħafna restrizzjonijiet, fejn ma tistax torganizza dimostrazzjonijiet publiċi jew tikkopera ma’ ċittadini Libiċi minħabba li r-reliġjon hija Iżlamika.

F’intervista oħra li kellu f’Mejju ta’ din is-sena, fil-Meeting del Mediterraneo f’Palermo, organizzata mill-Ordni Franġiskana fi Sqallija, l-Isqof Bugejja rrakkonta lil ġurnalista Tonio dell’Olio tal-ġurnal ‘La Voce’, meta kien hemm żewġ Libjani li kienu kkonvertew u daħlu ma’ grupp Amerikan tal-Pentekoste, dawn instabu ħatja u weħlu 15-il sena ħabs.

Fil-fatt il-fidili li jattendu l-knisja ta’ Bugeja huma mmigranti Filippini u subsaharini.

Fil-meeting del Mediterraneo li seħħ bejn is-16 u t-18 ta’ Mejju ta’ din is-sena, bit-tema “Connessi. Un’eco di Pace nel Mediterraneo” Mons. George Bugeja ngħata l-premju San Ludoviku, għall-impenn u assistenza tiegħu lejn il-migranti, għad-djalogu inter-reliġjuż fil-Libja, pajjiż fragli u maqsum mill-gwerrer ċivili.

Dan il-premju jingħata mill-Ordni Sekulari Franġiskana bil-għan li jirrikonoxxi u jivvaloriżża personalitajiet li jiddistingwu rugħhom b’mod sinifikattiv fl-oqsma, soċjali, politiku, ekonomiku, reliġjuż u kulturali – u li permezz tal-impenn u l-operat tagħhom jagħtu xhieda ta’ Fidi, djalogu, impenn ċiviku, speċjalment f’kuntesti li huma kumplessi jew f’pajjiżi fejn il-preżenza kristjana tagħhom turi sinjal ta’ tama kristjana u rikonċiljazzjoni. Il-premju mhux biss għandu valur simboliku iżda huwa ispirat għal qaddis San Ludoviku, mudell ta’ karità, servizz u dedikazzjoni lejn il-ġid komuni.