Opinjoni

OPINJONI: Mediterran mimli prosperità għal niesu

Il-Patt għall-Mediterran mhuwiex sempliċement dikjarazzjoni politika, imma huwa pjan ta’ azzjoni li jwassal għal riżultati tanġibbli...Ejjew insalpaw fuq dan il-vjaġġ flimkien u noħolqu Spazju Mediterranju Komuni ta’ veru. Baħar wieħed. Patt Wieħed. Futur Wieħed.

Dubravka Šuica
Kummissarju għall-Mediterran

Qed ngħixu f’dinja mimlija inċertezzi ġeostrateġiċi u ekonomiċi. Għalhekk ir-rotta li rridu naqbdu hija waħda ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib mas-sħab u l-ġirien tagħna.

Huwa proprju f’dan l-ispirtu li issa qed nibnu Spazju Mediterran Komuni. Il-kooperazzjoni li għandna bħalissa se ntellgħuha tarġa bil-proposta tagħna għall-Patt għall-Mediterran. Il-Patt jikkonsisti f’li nieħdu azzjonijiet flimkien abbażi tal-interessi li għandna in komuni u abbażi tal-benefiċċji reċiproċi. L-istruttura tiegħu hija waħda flessibbli u li hija miftuħa għal kampijiet ġodda.

L-istorja ta’ sħubija b’saħħitha li għandna bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien tagħna tan-Nofsinhar, tibda min-nies. In-nies ta’ kull ġenerazzjoni qiegħda fil-qalba ta’ dan il-Patt il-ġdid. Madankollu l-akbar riżorsa tal-Mediterran tibqa’ ż-żgħażagħ, bit-talent u l-kreattività tagħhom. Iżda bosta drabi l-opportunitajiet jisfaw fix-xejn meta jħabbtu wiċċhom mal-ostakli li jeżistu bejn pajjiż u ieħor.

Università Mediterranja

Għalhekk il-Patt inibbet idea kuraġġuża: Università Mediterranja li tgħaqqad studenti li ġejjin mit-Tramuntana min-Nofsinhar, mil-Lvant u mill-Punent ta’ baħarna, il-Mare Nostrum. Billi naqsmu flimkien korsijiet, skejjel tas-sajf, lawrji, u opportunitajiet ta’ mobbiltà, u xi darba anki l-campuses tagħna, in-nies tibda titħaddet bl-istess lingwaġġ; dak tal-kooperazzjoni u l-innovazzjoni.

Ir-rabtiet kulturali u d-diversi identitajiet li għandna huma s-soft power tagħna. Se nippromwovu l-iskambji kulturali u l-wirt kulturali u se nagħtu appoġġ lit-turiżmu sostenibbli. U peress li l-isport ilaqqa’ n-nies, il-kampanji tagħna #BeActive u l-appoġġ għal-Logħob tal-Mediterran se jsaħħu r-rabtiet li għandna u se jkattru l-ugwaljanza permezz tal-parteċipazzjoni.

It-tieni kapitolu ta’ din l-istorja jittratta l-bini tal-prosperità, speċifikament il-bini ta’ ekonomija Mediterranja aktar integrata u aktar sostenibbli. L-għan tagħna huwa ċar. Li nirxuxtaw il-kummerċ u l-investiment, noħolqu impjiegi ta’ kwalità u noħolqu opportunitajiet. Se nneħħu l-ostakli bla bżonn u nirbħu l-fiduċja tal-investituri.

Biħsiebna nagħtu spinta lill-intraprenditorija, b’mod partikolari għal start-ups u SMEs. It-trasformazzjoni diġitali hija mutur ewlieni ieħor. Permezz ta’ offerta għan-negozji fil-kamp tat-teknoloġija, se nsaħħu l-konnettività bil-kejbils MEDUSA u Blue-Raman, se nestendu l-5G, u se nsaħħu ż-żoni rurali. Flimkien se nibnu ekonomija diġitali verament integrata li ssostni l-Intelliġenza Artifiċjali, l-infrastruttura tad-data, u t-taħriġ fis-sigurtà ċibernetika.

U rridu nibnu futur b’enerġija nadifa u b’sigurtà tal-enerġija. L-inizjattiva Trans-Mediterranja tal-Enerġija Rinnovabbli u t-Teknoloġija Nadifa (T-MED) se tinvesti fl-enerġija tax-xemx, f’dik tar-riħ u f’dik tal-idroġenu, u se tittrasforma l-Mediterran f’ċentru tal-enerġija nadifa. Il-Pjattaforma ta’ Investiment T-MED se tlaqqa’ l-finanzjament pubbliku ma’ dak privat, filwaqt li l-Aġenda tal-Ħiliet T-MED se tiżgura li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura waqt din it-tranżizzjoni ekoloġika.

Permezz tal-inizjattiva għas-saħħa u r-rikkezza tal-Mediterran Blu, se ninvestu fis-sajd sostenibbli, fl-ibħra nodfa, u fl-innovazzjoni marittima. U billi nużaw passaġġi u networks tat-trasport kemm ġodda kif ukoll eżistenti, se nikkollegaw lin-nies u lill-merkanzija b’mod aktar effiċjenti; permezz tal-ferroviji, it-toroq, il-baħar u l-ajru. Dan kollu se jkun sostenibbli grazzi għal fjuwils nodfa u bis-saħħa ta’ mobbiltà urbana aktar għaqlija.

L-aħħar kapitolu tagħna jittratta s-sigurtà, il-preparatezza u l-ġestjoni tal-migrazzjoni. M’hemmx prosperità mingħajr stabbiltà. Se nintensifikaw il-kooperazzjoni tagħna fis-sigurtà.  Mhux se nħallu spazju għall-kunflitt, se niġġieldu d-diżinformazzjoni, u se nirreaġixxu għat-theddid. Kemm theddid ta’ attakki ċibernetiċi kif ukoll dak tal-estremiżmu vjolenti. U programm ta’ Preparatezza għad-Diżastri se jibni Sistema ta’ Twissija Bikrija bbażata fuq l-Intelliġenza Artifiċjali, isaħħaħ is-sigurtà tal-ikel, u jespandi l-protezzjoni ċivili li tinkludi ċentru ġdid għat-tifi tan-nar għar-reġjun kollu.

L-isfida tal-migrazzjoni

Il-ġestjoni tal-migrazzjoni tibqa’ waħda mill-aktar sfidi importanti għalina lkoll. Permezz ta’ strateġija li tieħu inkunsiderazzjoni t-traġitt kollu kemm hu, biħsiebna nsaħħu l-mod kif namministraw il-fruntieri tagħna u nwaqqfu l-migrazzjoni illegali. Irridu li nsaħħu l-ġlieda kontra t-traffikar tal-migranti u tal-bnedmin. Se nagħtu l-appoġġ tagħna biex il-migranti jiġu rimpatrijati u integrati mill-ġdid u se nsaħħu l-kooperazzjoni fir-rigward tal-migranti li jintbagħtu lura mill-UE biex jiġu rimpatrijati.

Se ndaħħlu fis-seħħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja u dik tal-infurzar tal-liġi biex insaħħu l-ġlieda kontra l-kriminalità ta’ natura serja u t-terroriżmu. Il-migrazzjoni nistgħu anki nħarsu lejha bħala opportunità billi nimbuttaw għal rotot legali u bla periklu li jkunu jistgħu jaqbdu l-ħaddiema migranti. Dan isir permezz ta’ sħubijiet li jkunu mfassla biex jattiraw it-talent u jkattru l-mobbiltà.

Il-Patt għall-Mediterran mhuwiex sempliċement dikjarazzjoni politika, imma huwa pjan ta’ azzjoni li jwassal għal riżultati tanġibbli. U l-inizjattivi kollha għandhom ikunu miftuħin biex jieħdu sehem fihom il-ġirien tal-ġirien tagħna, b’mod partikolari l-pajjiżi tal-Golf.

Dan kollu jfisser aktar opportunitajiet għan-nies, ekonomiji aktar b’saħħithom, u aktar sigurtà għal kulħadd. Ejjew insalpaw fuq dan il-vjaġġ flimkien u noħolqu Spazju Mediterranju Komuni ta’ veru.

Baħar wieħed. Patt Wieħed. Futur Wieħed.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 23 ta’ Ottubru, 2025.