Opinjoni

OPINJONJI: Qagħda mwiegħra minħabba fil-burokrazija

Mark A. Sammut Sassi

L-akbar problema li għandha Malta hi l-ineffiċjenza tal-burokrazija. Kważi xejn ma jaħdem sew. Mhux xejn, imma kważi.

Hawn ħafna burokrazija. Fl-2013, Joseph Muscat waqqaf uffiċċju apposta biex jikkumbatti l-burokrazija żejda fl-oqsma kollha tal-Gvern. Muscat kien ħatar lil deputat ta’ dak iż-żmien, Anthony Agius Decelis, bħala l-ewwel kummissarju ta’ kontra l-burokrazija. Warajh, fl-2017, tqiegħdet deputata oħra, did-darba Rosianne Cutajar.

Din kienet x’aktarx waħda mill-ftit ideat verament tajbin tal-Gvern ta’ Joseph Muscat. X’għamel Robert Abela? Flok ma saħħaħ l-uffiċċju tal-kummissarju ta’ kontra l-burokrazija, flok ma tah aktar mezzi u riżorsi, u flok ma wittielu t-triq biex jilħaq aktar malajr u b’mod aktar effettiv l-objettivi tiegħu, fl-2021 żarmah. Robert Abela żarma dik li x’aktarx kienet l-aħjar idea tal-Gvern ta’ Muscat.

Skont liema loġika hu diffiċli li wieħed jifhem.

Abela jeqred l-idea ta’ Muscat

Fl-2021, Robert Abela għadda r-responsabbiltà tal-ġlieda lill-burokrazija lis-Segretarju Permanenti Prinċipali. Li bħal dak li qallu m’għandu xejn x’jagħmel u kien qiegħed b’idejh fuq żaqqu jistenna li jitfgħulu dal-proġett kolossali f’ħoġru!

Tant kien żball oħxon dak li wettaq Robert Abela fl-2021, li s-sena ta’ wara, fl-2022, il-Kamra tal-Kummerċ ilmentat b’leħen għoli li l-burokrazija governattiva kienet għadha pjaga tinħass sew f’Malta.

Fl-aħħar ta’ April tas-sena l-oħra, l-2024, Robert Abela nieda Repożitorju Ċentrali tad-Dejta biex inaqqas il-burokrazija eċċessiva. Dan għamlu – kien qalilna fi stqarrija dak iż-żmien – wara li sema’ t-tħassib ta’ bosta nies ġejjin minn bosta aġenziji u setturi. Kulħadd kien univoku, kulħadd kien leħen wieħed: hawn wisq wisq wisq burokrazija fil-pajjiż.

Għaddew erba’ snin mill-għeluq tal-uffiċju tal-kummissarju ta’ kontra l-burokrazija, tliet snin mill-karba realista tal-Kamra tal-Kummerċ, sena u fuqha mit-tnedija tar-Repożitorju… u l-pajjiż għadu mgħarraq fil-burokrazija.

Il-burokrazija żejda qisha meta tagħmel ħafna xita u t-toroq jimtlew bit-tajn… ma tkunx tista’ ssuq fit-toroq. It-“toroq” huma l-ekonomija ta’ pajjiżna u l-ħajja tagħna ċ-ċittadini li ta’ kuljum irridu nivvintaw kif se nsuqu l-karozza biex niksbu dak li neħtieġu u nsuquha fit-toroq miżgħudin tajn burokratiku.

Proċeduri kkumplikati

Ma’ kulfejn tmiss hawn kumplikazzjonijiet ta’ proċeduri. Mhux biss huma kkumplikati, imma proċedura waħda tmur kontra l-oħra. L-ewwel proċedura tkun tiddependi mit-tieni proċedura imma t-tieni proċedura ma tistax titwettaq jekk ma titlestiex l-ewwel proċedura! Il-labirint burokratiku hu bla qies!

Il-burokrazija – bħal f’dak il-film animat ta’ Asterix ta’ meta kont għadni tfal (It-12-il Biċċa Xogħol ta’ Asterix, 1976) – hi bini kbir b’ħafna sulari u kulħadd jibagħtek minn uffiċċju għal ieħor, f’sulari differenti, titla’ u tinżel indajjen ta’ taraġ sa ma titlef il-paċenzja jew ir-raġuni.

Iwaħħal fl-impjegati!

Soprakornabastonate, f’Ġunju tal-2024, Robert Abela kellu l-wiċċ iwaħħal fl-impjegati!

Kellu l-wiċċ jgħid li l-problema vera kienet li l-impjegati tar-rangi l-baxxi ma jaħdmux biżżejjed!

F’dak l-istess xahar, il-kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Clint Azzopardi Flores – li bilfors trid tammirah għas-sinċerità tiegħu u għall-imħabba u l-lealtà li għandu lejn Malta – semma ħdax-il fattur ta’ dwejjaq f’Malta, tnejn minnhom il-burokrazija eċċessiva u l-ammont kbir ta’ barranin.

Jien naqbel mija fil-mija ma’ Azzopardi Flores. U bħali jaqbel felli sinifikattiv tal-Maltin. Ftit tal-jiem ilu, gazzetta bl-Ingliż ħarġet ir-riżultat ta’ stħarriġ tal-opinjoni pubblika li wera li għal 22.3% tal-Maltin il-popolazzjoni żejda hi l-akbar preokkupazzjoni. (Eżatt warajha: it-traffiku.)

Se nitkellmu dwar il-popolazzjoni żejda fl-aħħar ta’ dal-artiklu. Għalissa se nikkonċentra fuq il-burokrazija, u fuq il-wiċċ qiegħed ta’ min iwaħħal fl-impjegati meta huma l-proċeduri li huma mfasslin b’mod kaotiku u mingħajr melħ. Biex tinqeda f’xi ħaġa trid timla formuli kontra formuli li ma jwasslu għal xejn għajr għal ħela ta’ ħin u għalbiex ir-roti tal-magna amministrattiva jeħlu u jiġġammjaw.

Proċeduri tal-ħmir

Jien konvint li kull min mess b’xi mod ma’ aġenzija jew dipartiment tal-Gvern sab li l-ħaddiema huma kważi dejjem ġentilissmi mentri l-proċeduri huma proċeduri tal-ħmir. Mhux bilfors il-ħaddiema ma jaħdmux jekk jingħatawlhom proċeduri mżegilgin biex jaħdmu bihom!

Mill-ftit drabi li ppruvajt nagħmel xi tiswijiet żgħar id-dar tgħallimt li jekk ma jkollokx l-għodda t-tajba ma tasal imkien. U l-istess jgħodd għall-impjegati tal-Gvern. L-għodod tagħhom huma l-proċeduri. Jekk il-proċeduri ma humiex tajbin, għalxejn twaħħal fl-impjegati! Ħadd ma qasam il-baħar b’karozza jew saq fuq l-art bil-vapur. Biex tasal fl-objettiv tiegħek, trid il-veikolu t-tajjeb.

Ma naħsibx li qed ngħid ħwejjeġ ta’ barra minn hawn. Huma ħwejjeġ ta’ sens komun.

Il-popolazzjoni żejda

Irridu ngħidu wkoll li t-tkabbir esaġerat u artifiċjali tal-popolazzjoni fuq daż-żewġ blatiet ċkejknin, qagħda li ġa kienet imwiergħa issa ġabuha agħar.

Il-għadd enormi ta’ nies li qed jabitaw fuq dal-gżejjer li dal-gżejjer ma kinux lesti għalih, qed jifni lill-infrastruttura u jkedd b’mod tal-għaġeb il-proċeduri amministrattivi li, kif għedna, ġa kienu mżegilgin mit-tfassil tagħhom.

Imma barra milli strutturi u proċeduri daqt se jinfetqu sfaw mgħobbija b’aktar piż milli jifilħu, ġara wkoll li l-fatt li ħafna barranin ġejjin u sejrin (u ftit biss minnhom ifanndu l-għeruq hawn) wassal biex ma jkunx hawn sens ta’ komunità u – agħar minn hekk – sens ta’ responsabilità soċjali. Allura ġara li l-kumpaniji, u anki l-Gvern, kellhom joħolqu sikkaturi ġodda biex ipattu għal dan-nuqqas… sikkaturi li jiggarantixxu l-pagamenti, ngħidu aħna, jew li dak li jkun jobdi r-regoli ta’ kuntratt. Dal-piż żejjed kompla għattan lil sistema li ġa minnha nfiha kienet burokratika, dgħajfa, u merħija.

Il-pajjiż qed joqrob lejn il-mument li jinfetaq, għax it-toqol li qed ikollu jġorr hu kbir iżżejjed. It-toqol mhux biss ġej minn proċeduri mfasslin ħażin li joħolqu konfużjoni u ineffiċjenza proprju għax huma mfasslin ħażin. Imma t-toqol ġej ukoll mill-fatt li kiber immensament in-numru ta’ dawk li jridu jinqdew b’dawk il-proċeduri mfasslin ħażin, u allura l-problema bilfors tikber.

Frankament, ma naħsibx li Robert Abela għandu l-ħiliet politiċi meħtieġa biex joħroġna minnu dal-isqaq (li hu stess daħħalna fih). Tama waħda għandna: Alex Borg.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 23 ta’ Ottubru, 2025.