“Il-bdiewa għandhom bżonn aktar għajnuna u mhux aktar regoli Ewropej li jdaħħluhom fi spejjeż u burokrazija ġdida.” qal l-MEP Peter Agius illum fi Strasburgu wara l-vot fuq Direttiva ġdida fuq il-Monitoraġġ tal-Ħamrija.
Id-Direttiva ser iddaħħal rekwiżiti ġodda fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea biex isiru sistemi ta’ kontrolli regolari u monitoraġġ tal-kwalita u l-kimiċi fil-ħamrija.
Id-Direttiva proposta hija diġà appoġjata mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kunsill tal-Ministri u ser iddaħħal kontrolli ġodda u monitoraġġ regolari tal-ħamrija f’Malta. L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius u David Casa vvutaw kontra d-Direttiva.
“Meta l-bdiewa pprotestaw aħna wegħdna li ser nisimugħom. Dakinhar qalulna li ma jridux aktar piżijiet iżda jridu għajnuna u appoġġ biex ikomplu jitmawna. Illum smajna l-għajta tagħhom u għidna le għal aktar regoli fuq il-bdiewa. Issa nappella biex il-gvern jimplimenta din id-Direttiva bilgħaqal b’mod li l-piż iġorru l-gvern u mhux il-bdiewa li diġa għandhom ħajja diffiċli ferm biex jikkompetu ma’ prodott barrani u spejjeż dejjem jiżdiedu,” għalaq Agius.