Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, sabet lil Glen Bundy ħati ta’ diversi akkużi relatati ma’ theddid u reżistenza lejn uffiċjali tal-pulizija waqt l-eżekuzzjoni ta’ dmirijiethom. L-imputat, li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, tpoġġa taħt piena ta’ 18-il xahar ħabs, iżda din is-sentenza ġiet sospiża għal perjodu ta’ tliet snin.
L-inċident seħħ gewwa Misrah ir-Repubblika, ż-Żurrieq u dan bejn il-lejl ta’ bejn is-6 u s-7 ta’ Gunju 2024 għall-ħabta ta’ bejn nofs il-lejl u l-4am. Barra minn hekk, il-Qorti ordnatlu jħallas multa ta’ €4,000 fi żmien tliet snin u poġġietu taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin sabiex jingħata l-għajnuna psikoloġika u psikjatrika meħtieġa. Il-Qorti wkoll imponiet fuqu garanzija personali ta’ €2,000 għal sena sabiex ma jersaqx jew jittanta jmolesta lill-uffiċjali tal-pulizija involuti fil-każ.
Huwa ammetta akkużi relatati ma’ vjolenza, theddid, ingurja u disubbidjenza lejn uffiċjali pubbliċi, fosthom is-Surġent Mario Mercieca u l-Kuntistabbli Horace Seychell u Adrian Spiteri. Bundy ġiegħel lill-pulizija permezz ta’ vjolenza jew theddid biex jagħmlu jew ma jagħmlux ċerti azzjonijiet relatati mal-kariga tagħhom, heddidhom u insulentahom waqt li kienu qed iwettqu d-dmirijiet tagħhom.
Huwa kien ukoll akkużat li attakka jew irreżista lill-pulizija b’mod vjolenti, ma obdiex ordnijiet leġittimi, ta’ informazzjoni falza dwar l-identità tiegħu, u li b’imġiba tiegħu ta fastidju lill-istess uffiċjali, inkluż permezz ta’ theddid magħmul b’apparat ta’ komunikazzjoni elettronika.
Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi James Mallia u Wayne Bonello, kienet talbet ukoll li l-Qorti toħroġ ordni ta’ protezzjoni favur l-uffiċjali tal-pulizija. Fil-proċess instema’ li Bundy kien diġà kellu sentenzi preċedenti u kien rikonoxxut bħala reċediv, iżda matul l-udjenza tal-27 ta’ Marzu 2025, il-prosekuzzjoni rtirat l-akkuża ta’ reċidiva.
F’dik l-istess seduta, l-imputat ammetta l-ħtija tiegħu għall-akkużi kollha l-oħra. Il-Qorti, wara li wissietu dwar il-konsegwenzi legali ta’ dik l-ammissjoni u tatlu ċans jikkonsidra jekk iridx jerġa’ lura minnha, rat li l-ammissjoni kienet volontarja u mingħajr kundizzjoni. Fuq din il-bażi, il-Qorti ma kellhiex triq oħra ħlief li tiddikjarah ħati.
Il-Maġistrat Grima kkunsidrat l-ammissjoni bikrija tal-imputat. Ġiet ordnata wkoll notifika tas-sentenza lill-Kummissarju tal-Pulizija u lid-Direttur tas-Servizzi tal-Probation u Parole. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi James Mallia u Wayne Bonello.
//= $special ?>