Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Joseph Gatt, ikkundannat lil raġel ta’ 33 sena, ċittadin minn Nepal, għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ €5,000 wara li ammetta li xerred ritratti u filmati indeċenti tal-eks sieħba tiegħu.
Il-Qorti semgħet kif il-mara ressqet rapport lill-pulizija nhar l-Erbgħa wara li sabet li l-imputat kien bagħat materjal intimu tagħha lil ħabib ġdid tagħha. L-Ispettur Omar Zammit spjega li t-tnejn kienu f’relazzjoni għal madwar tliet snin u nofs, iżda din kienet intemmet madwar erba’ xhur ilu.
Madwar xahar qabel ir-rapport, l-imputat kien bagħat il-filmati u r-ritratti, li kienu ttieħdu bil-kunsens tal-mara waqt ir-relazzjoni tagħhom. L-akkużat tressaq quddiem il-qorti mixli li qasam il-fotografiji tal-mara, li fastidjaha u heddidha, kif ukoll li abbuża minn tagħmir elettroniku. Huwa ammetta l-akkużi kollha.
L-Ispettur Zammit qal li l-akkużat kien koperattiv tul l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ma talbitx piena effettiva ta’ ħabs. Il-Qorti, filwaqt li ħadet dan kollu in konsiderazzjoni, ikkundannatu għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, imponiet fuqu multa ta’ €5,000 u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
Barra minn hekk, ordnat ukoll il-qerda tal-iPhone li kien juża l-akkużat biex wettaq id-delitt. Filwaqt li indirizzah direttament, il-Maġistrat Gatt qallu: “Ir-relazzjoni spiċċat, u għall-ġid tiegħek, tagħha u ta’ t-tifel minorenni tiegħek, trid tinsa din il-mara darba għal dejjem. Din ir-relazzjoni spiċċat.” Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Omar Zammit, filwaqt li l-avukat Paul Radmilli deher għall-akkużat.
//= $special ?>

