Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joseph Gatt, tat il-ħelsien mill-arrest lil studentessa ta’ 20 sena wara li kienet mixlija li weġġgħet lill-għarus tagħha b’oġġett li jaqta’ waqt argument domestiku li seħħ fil-Ħamrun aktar kmieni din il-ġimgħa.
L-imputata, studentessa tan-negozju fl-MCAST, wieġbet mhux ħatja għall-akkużi li kkaġunat ġrieħi ħfief bil-volontà tagħha lill-partner tagħha permezz ta’ strument li jaqta’. Skont il-prosekuzzjoni, l-inċident seħħ filgħaxija tat-21 ta’ Ottubru, wara argument li kien ilu jippersisti matul il-jum kollu.
Aktar tard, il-koppja reġgħu qamu jargumentaw dwar laptop, waqt li l-vittma allegatament qabadha minn għonqha u ħabbata fuq is-sufan. L-imputata, skont il-verżjoni tagħha, irreaġixxiet istintivament u weġġħet lill-vittma fuq ġismu biex tiddefendi lilha nfisha.
Il-vittma, li kien mal-familja tal-akkużata, ġie ċertifikat medikament bħala li sofra ġrieħi ħfief, sar rapport lill-Pulizija u l-imputata ġiet arrestata. Id-difiża, immexxija mill-avukat José Herrera assistit minn Martina Herrera u Naomi Spiteri, sostniet li l-akkużata kienet vittma ta’ trattament ħażin kontinwu u li rreaġixxiet biss biex tiddefendi ruħha meta ġiet attakkata.
Herrera argumenta li ż-żagħżugħa għandha kondotta nadifa, għandha residenza stabbli u ma tgħixx mal-allegat vittma, u għalhekk ma hemm l-ebda riskju ta’ kontaminazzjoni tax-xhieda. Huwa qal ukoll li l-omm tal-akkużata, li tinsab fuq il-lista tax-xhieda, għandha d-dritt tirrifjuta li tixhed.
Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Sherona Buhagiar, oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien, billi diversi xhieda ewlenin, fosthom il-vittma u membri tal-familja tiegħu, għadhom ma xehdux.
Matul is-seduta quddiem il-Qorti kibret it-tensjoni meta l-avukat Herrera daħal f’nofs id-diskors tal-parte civile, li kienet rappreżentata mill-avukat Francesca Zarb, u l-maġistrat kellu jintervjeni biex jordnalu jieqaf milli jitkellem jekk ma kienx qed jagħmel sottomissjonijiet relatati mal-ħelsien.
Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Qorti tat lill-imputata l-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ €3,000. Hija ġiet ordnata tiffirma fl-Għassa taż-Żurrieq erba’ darbiet fil-ġimgħa u tosserva ‘curfew’ ta’ bejn id-9 ta’ filgħaxija u s-6 ta’ filgħodu.
Barra minn hekk, il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u membri tal-familja tiegħu. Il-maġistrat wissa lill-akkużata dwar il-konsegwenzi serji ta’ ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien.
L-Ispettur Sherona Buhagiar mexxiet il-prosekuzzjoni. L-Avukati Josè Herrera, Martina Herrera u Naomi Spiteri dehru għall-akkużata. L-Avukat Francesca Zarb bħala parte civile.
//= $special ?>