Lokali

Neħħewha għax kienet “taħdem bla waqfien għall-annimali”

Ma tawha ebda spjegazzjoni

Wara ħames snin bl-irwol ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, Alison Bezzina kkonfermat li l-kuntratt tagħha mhux se jiġġedded; b’attivisti, bħal Moira Delia u oħrajn, jinsistu li neħħewha “għax kienet taħdem bla waqfien għall-annimali”.

Fi stqarrija fuq il-midja soċjali, Alison Bezzina sostniet li din id-deċiżjoni ġiet mingħajr ebda spjegazzjoni, l-ebda diskussjoni, u b’avviż ta’ ġimgħa biss.

Il-mandat tagħha spiss kien ikkaratterizzat minn opinjonijiet b’saħħithom u kritika miftuħa għan-nuqqasijiet serji b’rabta mal-ħarsien tal-annimali.

Fuq Facebook, hi fakkret li “jekk nitkellmu għall-annimali, għall-ġustizzja, għall-kompassjoni u għal dak li hu ġust u li jġiegħel lin-nies jħossuhom skomdi – kapaċi ssir bidla.” Finalment, Alison Bezzina rringrazzjat lill-NGOs, lill-attivisti, u lill-voluntiera li appoġġjaw il-missjoni tagħha filwaqt li wiegħdet li se tkompli bl-attiviżmu tagħha. Temmet tisħaq, “Jistgħu jieħdu t-titlu, iżda mhux il-vuċi.”