Tfajla ta’ 15-il sena ġiet mixlija flimkien ma’ raġel ta’ 24 sena quddiem il-Qorti – l-Ħamis, akkużati li serqu passaport u erba’ arloġġi mid-dar ta’ missierha f’Ħaż-Żebbuġ. L-imputata, li isimha ma jistax jissemma għax hija minorenni, residenti l-Imsida, u Simon Leyton Rachid, mill-Belt Valletta, u loi xogħlu hu li jqiegħed il-madum – ġew arrestati l-Erbgħa, filwaqt li l-allegati kompliċi tagħhom, Luca Agius ta’ 21 sena u persuna oħra ta’ 16-il sena, kienu diġà tressqu l-Qorti akkużati b’żewġ serqiet ta’ muturi u serqa minn residenza.
Rachid ġie akkużat li fis-20 ta’ Ottubru seraq ‘scooter’ mill-Imsida, li kkaġuna ħsara fuqu u li kellu f’idejh oġġetti misruqa. Huwa kien ukoll mixli bis-serqa ta’ passaport u erba’ arloġġi minn dar f’Ħaż-Żebbuġ, kif ukoll b’serqa ta’ mutur ieħor u żewġ elmi ta’ nofs il-wiċċ mill-Imsida fid-19 ta’ Ottubru.
Fuq il-karta tal-akkuża dehru wkoll reati ta’ sewqan mingħajr liċenzja jew assigurazzjoni, ksur ta’ tliet kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja, u ksur ta’ sentenza sospiża. Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi.
It-tfajla ta’ 15-il sena kienet akkużata bis-serqa tal-passaport u tal-arloġġi mid-dar ta’ missierha f’Ħaż-Żebbuġ, kif ukoll b’ħabta u ħarba allegata li seħħet fl-istess lokalità fil-20 ta’ Ottubru, u sewqan mingħajr liċenzja jew assigurazzjoni. Hija wkoll ċaħdet l-akkużi.
Matul is-seduta, l-avukat tad-difiża Nicholas Mifsud ikkontesta l-validità tal-arrest ta’ Leyton Rachid, billi sostna li l-klijent tiegħu kien ġie arrestat biss fuq informazzjoni li kienu taw l-allegati kompliċi tiegħu, Agius u u t-tfajjel ta’ 16-il sena.
Huwa saħaq ukoll li l-ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imsemmi huma biss allegazzjonijiet, peress li għadu ma ġiex ikkundannat fuqhom. Il-Qorti iżda ddeċidiet li l-arrest kien validu. It-tnejn talbu l-ħelsien mill-arrest. L-avukat Shaun Zammit, li deher għat-tfajla, sostna li l-klijenta tiegħu kienet kooperattiva u enfasizza li ma kellhiex rekord kriminali.
Il-prosekuzzjoni, rappreżentata mill-Avukat Clive Aquilina u mill-Ispettur Jeffrey Scicluna Briffa, oġġezzjonat, billi saħqet li għad hemm bosta xhieda ċivili li jridu jixhdu. L-Ispettur Scicluna Briffa żied jgħid li kien diffiċli biex il-pulizija jsibu lill-minuri sakemm waslet informazzjoni dwar fejn kienet tinsab.
Wara li sema’ s-sottomissjonijiet, il-Maġistrat Joseph Gatt ċaħad it-talba tal-ħelsien mill-arrest ta’ Rachid u ordna li jibqa’ miżmum taħt arrest, b’rakkomandazzjoni li jinżamm fiċ-Ċentru ta’ Servizzi Restorattivi Residenzjali (CoRRS).
Dwar it-tfajla ta’ 15-il sena, il-Maġistrat indirizzaha personalment, jgħidilha b’ton serju li kien b’dispjaċir kbir li, wara sentejn u nofs fuq il-bank tal-maġistratura, kellu quddiemu minuri. “Jien mhux il-ġenitur tiegħek u ma nistax nipprova nkun wieħed. Ma naf xejn x’qed jiġri f’ħajtek u ma nistax nibdilha, imma nista’ ngħidlek li ddeċidejt li nagħtik il-ħelsien mill-arrest. Issa jiddependi minnek. Ħafna affarijiet li kont tista’ tagħmel qabel, ma tistax tagħmilhom aktar. Se tqatta’ ħafna ħin id-dar,” qalilha l-maġistrat, jindika li kien se jimponi ‘curfew’ twil.
“Iktar minn hekk, għandek ħajtek kollha quddiemek u ċ-ċans li taqbad il-kotba u ssir aħjar minn kulħadd f’din il-qorti. Imma jekk tkompli fuq din it-triq, hemm post wieħed biss għalik. Nispera li int u dawk warajk, inkluża ommok, tifhmu x’qed ngħid,” temm jgħid il-Maġistrat.
Il-Qorti tat lit-tfajla ta’ 15-il sena – il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €200 u garanzija personali ta’ €4,000. Ġiet ordnata tiffirma l-għassa tal-pulizija kuljum, u ġie impost ‘curfew’ strett.
Il-kawża kienet preseduta mill-Maġistrat Joseph Gatt. Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Avukat tal-Clive Aquilina assistit mill-Ispettur Jeffrey Scicluna Briffa, Karen Cassar u Christian Xuereb. L-avukati Nicholas Mifsud u José Herrera dehru għal Leyton Rachid, filwaqt li l-avukat Shaun Zammit deher għat-tfajla.
//= $special ?>